- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Ic-champions jibdew bir-rebħ…jerbħu wkoll Siġġiewi u Luxol

Posted By sportinmalta1 On January 5, 2015 @ 6:08 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 69

Remax Citadel Siġġiewi 70

(10-22)(16-17)(15-9)(12-10)(11-12)

Remax Citadel Siġġiewi bdew il-kampjonat bir-rebħ meta kisbu rebħa drammatika fuq Pavi Depiro b’żewġ free-throws bil-ħin spiċċa wara wkoll sessjoni ta’ ħin barrani. Siġġiewi ma setgħux jużaw il-player Amerikan ġdid tagħhom Rashanti Harris li diġa lagħab f’pajjiżna tlett snin ilhu ma’ Loyola però nkludew għall-ewwel darba lil Marko Casar. Depiro kellhom nieqsa lil Darryl Schembri u Matthew Borg. Siġġiewi għamlu l-ewwel ħames punti tal-partita minn Steve Sammut bi trippla. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Timhoty Zammit però Siġġiewi kellhom run ta’ 13-0 b’aktar punti ta’ Sammut flimkien ma’ Billy Zammit u Marco Matijevic u fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 20-5. Depiro reġgħu wieġbu bi trippla ta’ Kurt Xuereb u free-throws ta’ Josef Attard għal skor ta’ 22-10. Fit-tieni perjodu l-coach ta’ Siġġiewi Ray Muscat ħtieġlu jagħmel xi tibdiliet minħabba l-fouls u Depiro daħlu aktar fil-logħba hekk kif iż-żgħażagħ ta’ Gabriele Alesse bdew jikkombinaw aħjar bejniethom u naqqsu d-distakk għal 5 punti 23-28. Zammit b’żewġ trippli flimkien ma’ Matijevic reġgħu taw ftit tan-nifs lil Siġġiewi li daħlu jistrieħu 13 minn fuq 39-26.

Wara l-intervall, Depiro reġgħu bdew inaqqru l-vantaġġ ta’ Siġġiewi meta għamlu l-ewwel żewġ baskets. Siġġiewi rrispondew bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Ryan Carabott iżda Depiro kellhom break ieħor ta’ 9-2 biex id-distakk niżel għal 7 punti 41-48. Depiro b’mod speċjali Marco Todorovic komplew bil-mument tajjeb tagħhom fl-aħħar sessjoni u għamlu break qawwi ta’ 15-2 bit-tieni trippla ta’ Xuereb biex fis-seba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 56-50. Siġġiewi rkupraw u bi trippla ta’ Zammit fetħu break ta’ 8-0 biex ħadu l-vantaġġ però fl-aħħar attakk tagħhom Depiro ġabu l-iskor indaqs wara basket ta’ Todorovic biex il-partita marret fil-ħin barrani 58-58. Hawn kellna lil Steve Sammut għal Siġġiewi bi tlett three pointers iżda Todorovic kompla jirrispondi għal Depiro u fl-aħħar minuta Siġġiewi kellhom vantaġġ ta’ 3 punti 68-65. Fl-aħħar sekondi ġara minn kollox hekk kif Depiro marru minn fuq wara basket ta’ Ryan Rizzo. Kien għad fadal biss ftit sekondi u Billy Zammit ipprova l-aħħar basket u deher li kien hemm foul fuq is-shot li qajjem protesti minn naħa ta’ Depiro. Minn naħa l-oħra, bil-partita mitmuma, Zammit għamel żewġ free-throws minn tlieta biex ta r-rebħa lil Siġġiewi 70-69.

Pavi Depiro: J. Attard 2, D. Farrugia 6, R. Rizzo 4, T. Zammit 10, N. Grech, M. Todorovic 30, S. Zammit 10, K. Xuereb 7, S. Saakian.

Remax Citadel Siġġiewi: B. Zammit 21, JP Antoncic, S. Sammut 21, M. Casar 7, M. Matijevic 9, R. Carabott 4, A. Micallef 6, B. Bartolo, L. Grima, M. Mallia 2.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Selcon Rowles(UK).

Floriana Cafè Del Mar 59

Bupa Luxol 67

(17-12)(15-26)(16-9)(11-20)

Bupa Luxol kisbu rebħa li tista’ tkun ferm importanti aktar il-quddiem matul l-istaġun meta għelbu lil Floriana Cafè Del Mar 67-59. Iż-żewġ timijiet kellhom biss players Maltin għal din il-partita hekk kif iż-żewġ Amerikani ġodda jistgħu biss jilgħabu mill-ġimgħa d-dieħla. Dawn huma Mark Henniger ta’ Floriana u Thomas Staton ta’ Luxol. Però Luxol kellhom lil Stefan Capello jispikka fejn għamel dik li possibilment hija l-aqwa prestazzjoni tiegħu kemm ilhu jilgħab mal-kbar fejn kien dominanti taħt il-boards u Floriana ma setgħux iwaqqfuh. Floriana rkupraw lil Dirk Schembri però għadu nieqes Nigel Sultana. Floriana fetħu tajjeb bil-punti ta’ Schembri bil-Luxol iwieġbu permezz ta’ Capello u Abraham Portelli. Luxol marru minn fuq fis-seba’ minuta 10-8 però Floriana għamlu break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Lee Ross biex temmew is-sessjoni fuq quddiem 17-12. Luxol irkupraw l-iżvantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu meta bdew bi break ta’ 8-2. Schembri u David Agius wieġbu għal Floriana bil-Luxol ikollhom it-trippla ta’ CJ Cordina u aktar punti ta’ Capello. Luxol komplew b’run ta’ 8-0 biex fl-intervall kellhom vantaġġ ta’ sitt punti 38-32.

Il-punti ġew bil-mod fl-ewwel parti tat-tielet taqsima fejn sal-ewwel ħames minuti kien hemm biss ħames punti ta’ Floriana minn Sean Borg u Ross. Luxol baqgħu minn fuq wara żewġ baskets ta’ Capello 47-43 iżda fl-aħħar minuta Floriana kellhom żewġ punti minn Clayton Calleja u trippla minn Agius biex temmew il-perjodu punt minn fuq 48-47. Kif ġralhom fl-aħħar ħarġa tagħhom, Floriana naqqsu r-ritmu fl-aħħar taqsima u Luxol approfittaw fejn kellhom run ta’ 18-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 65-50. Huma hellhom il-punti ta’ Andrew Micallef Trigona flimkien ma’ Cordina u Capello u minkejja żewġ baskets oħra ta’ Ross u t-tieni trippla ta’ Agius, Floriana ma rnexxielhomx isalvaw il-partita biex Luxol rebħu l-partita 67-59.

Floriana Cafe Del Mar: L. Ross 18, S. Borg 6, N. Vasovic 6, C. Calleja 4, D. Schembri 13, O. Shamala, D. Agius 12.

Bupa Luxol: CJ Cordina 14, A. Portelli 4, J. Willoughby, E. Bonello, JP Schembri, A. Micallef Trigona 8, JP Bonnici 10, S. Capello 31.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Selcon Rowles(UK).

AtoZ Electronics Athleta 84        

Cynergi Virtus 58

(19-16)(22-16)(21-11)(22-15)

Ic-champions AtoZ Electronics Athleta bdew id-difiża tat-titlu tagħhom b’rebħa fuq Cynergi Virtus 84-58. F’din il-partita wkoll kellna biss players Maltin fuq il-court għaliex l-Amerikan il-ġdid ta’ Virtus Mike Brousewtz ukoll irid jistenna ġimgħa biex ikun jista’ jilgħab fil-waqt li l-Kanadiż tal-Athleta Chad Patus kien ma jiflaħx. Però fin-nuqqas ta’ Patus Athleta kellhom wirja oħra tajba ferm minn Omar Said u Michael Naidi b’Roderick Vella minkejja li ma kisibx ħafna punti kellhu rwol importanti b’diversi assists u steals. Virtus kellhom lura lil Anton Axiaq wara l-injury serja li kellhu f’Novembru però f’xi waqtiet kellhom logħob pjuttost individwali li ma wassalhom għall-imkien. Wara basket fuq kull naħa li fetaħ il-partita, Athleta kellhom run ta’ 10-0 fi spazju ta’ żewġ minuti b’żewġ trippli ta’ Said. Virtus ukoll kellhom break ta’ 12-2 li bdewh bi trippla ta’ Peter Shoults u baskets ta’ Robert Bonnici u David Bugeja biex ġabu l-iskor indaqs 14-14. Wara basket ieħor fuq kull naħa, Athleta għalqu s-sessjoni bit-tielet trippla ta’ Said għal skor ta’ 19-16. Fit-tieni taqsima Virtus reġgħu ġabu l-iskor indaqs però Athleta kellhom break ta’ 12-2 minn Naudi, Said u Andrew Aquilina. Virtus wieġbu permezz ta’ Axiaq u Bugeja però qabel l-intervall Athleta kellhom it-trippli ta’ Said u Aquilina għal skor ta’ 41-32.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni Virtus bdew tajjeb b’żewġ baskets konsekuttivi u taw ħjiel li jistgħu jirkupraw però Athleta malajr wieġbu b’seba’ punti minn Said u Isaac Tanti biex żiedu l-vantaġġ għal 12 –il punt. Athleta komplew b’run oħra ta’ 10-2 bil-ħames trippla ta’ Said għal skor ta’ 62-43. B’vantaġġ ta’ 19 –ilpunt, Athleta qatt ma kienu fil-periklu li jitilfu l-partita u komplew jikkontrollaw tul l-aħħar sessjoni. Fl-aħħar ħinijiet il-coach Joe Galea utilizza wkoll lil players żgħażagħ tieghu b’Migeul Gauchi Montaldo jagħmel l-aħħar żewġ baskets biex Athleta rebħu l-partita 84-58.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 27, R. Vella 3, F. Mifsud Bonnici, C. Patus, A. Aquilina 8, M. G. Montaldo 4, O. Said 24, M. Gouder, I. Tanti 19.

Cynergi Virtus: S. Pace 8, D. Bugeja 17, R. Bonnici 10, C. Doublet, A. Schembri, T. Grech, A. Felice Pace, A. Axiaq 12, I. Buldakov, G. Coleiro 4, P. Shoults 7, F. Bartolo.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Selcon Rowles(UK).


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ic-champions-jibdew-bir-rebh-jerbhu-wkoll-siggiewi-u-luxol/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.