- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

IĊ-ĊAMPJINS TAL-2017 TAL-ASMK ONORATI FIL-PALAZZ VERDALA

Posted By Sportinmalta On February 28, 2018 @ 10:11 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar is-Sibt 24 ta’ Frar 2018 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat is-serata Annwali biex tonora liċ-ċampjins u r-runners up ta’ kull sezzjoni fi ħdan l-ASMK fil-Palazz Verdala fil-Buskett. L-attività kienet sponsorjata minn Monster Energy Drink, Bavaria u Delicata Winery, Nexos, S.Curmi & Sons, MFCC Ta’ Qali u Sign it Ltd. Ringrazzjament speċjali lill-President ta’ Malta li offriet il-Palazz Presidenzjali tal-Verdala biex titella’ din l-attività mill-ASMK.

Fost ir-rebbieħa tal-karozzi ġew onorati Karl Micallef fuq Ford Fiesta li rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali Autocross Modified għall-ewwel darba, ir-Runner Up Gordon Johnson fuq Opel Corsa. Deane Farrugia fuq Citroen AX rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali Autocross Standard għat-tielet darba mar-Runner Up Johann Vella fuq Opel Nova.

Fil-Muturi ġew onorati Paul Muscat fuq KTM li rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali Motocross għall-ewwel darba bir-Runner Up David Dimech fuq Honda. Damon Bonello fuq Gas Gas rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali tat-Trials segwit mir-Runner Up Antonio Leonardi fuq mutur Gas Gas. Joseph Scicluna fuq mutur KTM rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali Enduro għall-ewwel darba segwit mir-Runner Up Bernard Sammut fuq KTM.

Waqt id-diskors tiegħu l-President tal-Assoċjazzjoni Frans Deguara awgura lir-rebbieħa kollha filwaqt li rringrazzja lill-isponsors kollha li wkoll kienu prezenti fis-sala. Filwaqt li l-Assocjazzjoni stiednet lis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sports l-Onor. Clifton Grima MP iżda dan ma setax jattendi minħabba mpenji oħra. Preżenti wkoll kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport l-Onor. Ryan Callus MP kif ukoll iċ-Ċermen ta’ Sport Malta Dr. Lucianno Busutill. Waqt din l-attività attenda wkoll il-Fundatur tal-ASMK is-Sur Noel Farrugia.

L-Assoċjazzjoni rregalat tifkira ta’ ringrazzjament lill-isponsors li għamlu s-sena li għaddiet suċċess fosthom l-isponsor ewlieni Pasta Poiatti, lil Kumpanija Philip Agius & Sons u Central Asphalt Ltd tal-ghajnuna tagħhom ferm apprezzata b’makkinarju u xogħol lejn l-ASMK. Ġew onorati wkoll il-Membri Onorarji li minkejja li mhumiex fit-tmexxija tal-ASMK xorta baqgħu jagħtu l-għajnuna tagħhom minn attività għall-oħra. Dawn kienu l-Eks Kaxxier tal-ASMK Edgar Xuereb, l-Eks Membri tal-Kumitat Frans Azzopardi u Emanuel Pisani. Membri oħra li ġew onorati huma Lawrence Darmanin li huwa il-Projects Manager tal-ASMK u Dr. David Camilleri li huwa il-persuna legali tal-ASMK.

Intant l-ASMK tkompli bl-attivitajiet tagħha nhar il-Ħadd li ġej 4 ta’ Marzu 2018 bil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2017/2018 fejn ir-raba’ attività se ssir fil-Barriera Tat-Tarġiet Għomor Limiti ta San Pawl tat-Targa. L-attività tibda 10:00am.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.asmk.org.mt jew fil-pagni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Tistgħu tagħmlu kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ic-campjins-tal-2017-tal-asmk-onorati-fil-palazz-verdala/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.