- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Honey Athleta u Caffè Moak Luxol jieħdu l-ewwel rebħ

Posted By sportinmalta1 On March 27, 2014 @ 5:37 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA – PLAY-OFFS

minn Colin Schembri

Honey Athleta 62

Hibs 56

(21-8)(7-15)(17-9)(17-24)

Hibs tilfu okkażjoni tad-deheb li jissuperaw lil Honey Athleta fl-ewwel semi-finali tal-playoffs meta dawn tal-aħħar kellhom jilgħabu għal kważi l-aħħar sessjoni kollha mingħajr il-player Ijeoma Ofomata li spiċċat fouled out wara żewġ minuti. Però l-grinta ta’ Lonnecke Cassar u Emma Moore fost l-oħrajn flimkien ma’ punti f’ħin kruċjali ta’ Denise Said Hollier u Francesca Farrugia u traskuraġni fl-attakk minn naħa tal-Pawlisti taw l-ewwel rebħa fil-play-offs lil Athleta. Hibs irkupraw lil Alexis Cutajar għal din is-semifinali fil-waqt li Athleta kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom.  Athleta għamlu l-ewwel sitt punti tal-logħba minn Ofomata u Cassar bil-Hibs jieħdu ħames minuti biex jagħmlu l-ewwel punti taghħom minn Crystal Woodley. Athleta reġgħu wieġbu minn Ofomata u Emma Moore bil-Hibs ikollhom baskets minn Woodley u Joselle Borg Cardona. Fl-aħħar żewġ minuti Athleta għamlu run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Cassar u punti minn Moore u Ofomata biex temmew l-ewwel sessjoni 21-8 minn fuq.  Fit-tieni sessjoni Hibs kienu aħjar u għamlu break ta’ 10-2 bi tlett baskets ta’ Woodley flimkien ma’ Elena Cassar u Borg Cardona biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 19-26. Athleta kellhom basket minn Leanne Sciberras qabel ma Hibs għamlu erba’ punti oħra biex fl-intervall Athleta kienu 28-23 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Athleta reġgħu ħarġu qawwi bi tlett baskets mingħajr risposta minn Ofomata, Moore u Sciberras. Għal Hibs kien hemm ir-risposta ta’ Woodley u Cassar iżda Athleta kellhom risposta mmedjata b’disa punti oħra minn Ofomata u Moore biex kabbru l-vantaġġ għal 16 –il punt 43-27. Hibs għamlu hames punti oħra però Athleta kienu għadhom 13 minn fuq fi tmiem it-taqsima 45-32. Fl-aħħar perjodu Athleta żiedu l-vantaġġ wara baskets minn Cassar u Ofomata. Hawn iżda Ofomata kkomettiet il-ħames foul meta kien għad fadal tmien minuti eżatt biex tintemm il-partita. Hibs damu biex approfittaw u Athleta żiedu l-vantaġġ wara baskets minn Said Hollier u Sciberras. Kien mis-sitt minuta ‘l quddiem li Hibs bdew inaqqru kontinwament il-vantaġġ tal-Athleta meta bdew bi trippla ta’ Emma Micallef flimkien ma’ Woodley u Cassar. Fl-aħħar minuta Hibs waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod mill-avversarji wara trippla ta’ Woodley bl-istess player Amerikana jkollha okkażjoni li ġġib l-iskor indaqs fl-aħħar sekondi tal-partita però falliet fl-attakk tagħha. Athleta kellhom il-free throws minn Cassar u basket ta’ Sciberras biex serrħu rashom mir-riżultat u rebħu l-partita 62-56.

Honey Athleta:E. Moore 8, M.C. Cilia, J. Xuereb, L. Cassar 15, L. Sciberras 10, D. Said Hollier 6, I. Ofamata 20, E. Vella, A. Demanuele, F. Farrugia 3, S.J. Barbara, C. Mifsud.

Hibs: E. Micallef 3, E. Cassar 10, J. Doughty 1, N. Farrugia, F. Mifsud, J. Scerri 1, A. Cutajar 3, N. Mifsud, C. Woodley 27, J. Borg Cardona 11, I. Agius.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile, Teemu Helenius.

Caffè Moak Luxol 65

Pavi Depiro 33

(12-9)(18-6)(19-8)(17-10)

Caffè Moak Luxol ukoll bdew l-impenji tagħhom fil-play-offs b’rebħa kontra c-champions renjanti Pavi Depiro. Luxol kienu superjuri tul il-partita kollha hekk kif Depiro kellhom wirja deludenti speċjalment fl-attakk fejn kellhom shooting erratiku. Luxol kienu f’forma taba anke minn wara t-three point line fejn kisbu 10 three pointers bi players bhal Greta Costa u Steffi De Martino jkollhom wirja tajba b’tal-aħħar tkompli fejn ħalliet tlett ijiem qabel fil-finali ta’ taħt it-23 sena.  Luxol bdew il-partita bi trippla ta’ Costa però Depiro wkoll wieġbu bi trippla ta’ Gaby Mifsud u basket ta’ Sam Brincat biex marru minn fuq. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm kien hemm żbalji fuq iż-żewġ naħat u l-iskor baqa’ baxx tant li fis-seba’ minuta Luxol kellhom vantaġġ ta’ basket 9-7 wara trippla ta’ Kirsten Baldacchino. Luxol għalqu l-ewwel sessjoni 12-9 fuq quddiem u bdew it-tieni waħda b’żewġ baskets oħra minn Patricia Bright u Mandi Mercieca. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Brincat

Paula Ellul - Luxol

però r-risposta ta’ Luxol waslet minn trippla ohra ta’ Baldacchino u baskets ta’ Bright u Costa biex kabbru l-vantaġġ għall-10 punti 23-13. Luxol komplew jagħfsu u għamlu break ieħor ta’9-2 bi trippla ta’ Costa u fil-halftime kellhom vantaġġ doppju 30-15.

Fit-tielet sessjoni Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ tagħhom hekk kif ir-reazzjoni tac-champions ma waslitx minkejja li kellhom bidu nkorraġanti b’żewġ baskets tal-Amerikana Nola Taylor. Hawn Luxol għamlu break ta’ 8-0 b’żewġ three pointers minn De Martino u Baldacchino. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet biss bi tlett free-throws bil-Luxol ikomplu b’run oħra ta’ 11-0 fejn kellhom it-trippli minn Mercieca u De Martino biex temmew it-taqsima fuq quddiem 49-23. Fl-aħħar sessjoni l-partita kienet diġa mitmuma u l-coaches għazlu li jserrħu players regolari bil-ħsieb tat-tieni semi-finali ta’ nhar it-Tnejn 31 ta’ Marzu.  Dan ma żammx lil Luxol milli jkomplu jkabbru l-vantaġġ tagħhom hekk kif kellhom iktar three pointers minn Paula Ellul, Kay Portelli u De Martino. Depiro naqqsu xi ftit d-distakk wara punti ta’ Nicole Agius, Maria Bonett u Gaby Mifsud biex Luxol rebħu l-ewwel semi-finali 65-33.

Caffè Moak Luxol: M. Caruana, M. Mercieca 7, I. Medina 2, B. Naudi, P. Ellul 4, G. Costa 18, K. Portelli 3, S. De Martino 13, K. Baldacchino 9, P. Bright 9, M. Darmanin, C. Curmi.

Pavi Depiro: N. Agius 2, G. Mifsud 4, D. Sammut, S. Brincat 8, M. Bonett 4, A. Borg 3, N. Taylor 10, N. Donoghue, S. Micallef, B. Zammit 2.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Teemu Helenius

Programm tal-play-offs:

31-03-2014 – 11:15 – Hibs vs Honey Athleta

31-03-2014 – 14:45 – Pavi Depiro vs Caffè Moak Luxol

02-04-2014 – 18:15 – Honey Athleta vs Hibs

02-04-2014 – 20:15 – Caffè Moak Luxol vs Pavi Depiro


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/honey-athleta-u-caffe-moak-luxol-jiehdu-l-ewwel-rebh/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.