HONDA L-ISPONSOR IL-ĠDID GĦALL-KAMPJONAT ASMK MOTOCROSS

Wednesday, November 22, 2017, 10:16

Nhar il-Ħadd 26 ta’ Novembru 2017 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi sa tkompli bl-attivitajiet bil-Karozzi Autocross fejn ser tiġi organizzata it-tieni attivita mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Fl-istess ġurnata ser ikollna wkoll attivita bil-muturi Motocross fejn ukoll ser tkun qed tiġi torganizzata t-tieni attivita mill-Kampjonat Nazzjonali 2017/2018 sponsorjat mill-Honda. Il-programm jibda fit-8am bil-Muturi u iktar tard mal-ġurnata jkomplu l-karozzi.

Intant matul l-attività ta nhar il-Ħadd 26 ta Novembru, bħal kull sena l-Assoċjazzjoni ser tkun qed tfakkar lil dawk il-membri li m’għadhomx magħna b’quddiesa ċelebrata fil-kumpless sportiv tal-ASMK. Il-quddiesa tibda fl-10:00am u jiċċelebraha d-Direttur Spiritwali tal-Assoċjazzjoni.

Bi pjaċir l-Assoċjazzjoni tħabbar l-isponsor il-ġdid għall-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2017/2018. Il-kumpanija Gasan-Zammit Ltd permezz tal-Honda li hija waħda mid-ditti tagħha ser tkun qed tisponsorja l-Kampjonat Motocross f’dan l-istaġun. Intant l-isem ser ikun ‘KAMPJONAT NAZZJONALI HONDA MOTOCROSS 2017/2018’. Fiż-żmien li ġej l-Assoċjazzjoni ser tkun qed tħabbar proġetti oħra ġodda permezz ta’ din l-għajnuna għadha kif laħaqet ftiehem fuqha.

Intant l-Assoċjazzjoni wkoll tħabbar li attività Trials li kellha ssir nhar il-Ħadd li għadda 19 ta’ Novembru 2017, ġiet imħassra minħabba l-maltemp. L-attività li jmiss issa mistennija ssir nhar il-Ġimgha 8 ta’ Dicembru 2017 (Festa Pubblika) u l-post jitħabbar iktar tard.

Fi Sqallija matul tmiem il-ġimgha, l-aħwa  Clayton u Kyle Camilleri fuq muturi KTM kienu impenjati fil-Kampjonat  Reġjonai tal-Federazzjoni Taljana tal-Muturi (FMI) ta’ Sqallija. Din il-kompetizzjoni saret fi Trapani fost l-aqwa sewwieqa tar-Reġjun Sqalli. Clayton Camilleri li jikkompeti fil-Klassi Elite MX2 Over 21 rebaħ ir-Raba post waqt li ħuh iż-żgħir Kyle li jikkompeti fil-Klassi MX2 Under 21 rebaħ it-tieni post. Dawn bla dubju mhux biss għamlu ġieħ lill-ASMK iżda wisq aktar lil pajjizna.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email li hu info@asmk.org.mt

Rittrati ta Mario Micallef





Leave a comment