Hibs vs Valletta tisraq ix-xena

Friday, August 23, 2013, 13:06

Minn Robert Busuttil

Meta f’dan tmiem il-ġimgħa tibda t-tieni ġurnata tal-Kampjonat Premier, l-attenzjoni prinċipali tad-dilettanti Maltin tmur fuq il-partitissima bejn Valletta u Hibernians, żewġ timijiet rivali ta’ xulxin għal dawn l-aħħar snin. Il-logħba, li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali nhar il-Ħadd fit-8.30pm, waslet xi ftit kmieni f’dan l-istaġun. Madankollu mistennija toffri l-ispettaklu assoċjat ma’ din il-logħba kemm bil-partitarji kkuluriti taż-żewġ timijiet kif ukoll bil-kwalita’ ta’ plejers miż-żewġ naħat.

Dawn iż-żewġ timijiet kellhom iċ-ċans jiltaqgħu kontra xulxin fit-turnament tal-Euro Cup, fejn dakinhar kienu ġew dro ta’ 1-1, b’Yessous Camilleri jiskorja għal Valletta u Obinna Obiefule għal Pawlisti.

Kemm Hibs kif ukoll Valletta kellhom rebħiet minimi kontra Tarxien u Mosta rispettivament fl-ewwel logħba tagħhom tal-Kampjonat. Iż-żewġ timijiet batew xi ftit sabiex jikkonkludu madankollu rnexxielhom jieħdu t-tliet punti prezzjużi. Valletta se jkollhom sospiż lil Edmond Agius li tkeċċa kontra Mosta.

Sadanittant il-programm jiftaħ nhar is-Sibt b’erba’ logħbiet tnejn fl-Istadium Nazzjonali u tnejn oħra fl-Istadium Victor Tedesco li sarlu xogħol ferm estensiv matul dan is-Sajf.

Qormi jridu jagħtu risposta lill-kritiċi wara d-disfatta li kellhom kontra Sliema fejn qalgħu 4 u tidwira. Huma se jilagħbu kontra Naxxar li huma motivati wara dro prestiġġjuż kontra Floriana.

Wara din il-logħba naraw fix-xena żewġ timijiet li ħadu t-tliet punti fl-ewwel ħarġa tagħhom, Birkirkara u Sliema Wanderers. Żgur illi s-Slimiżi dehru f’forma brillanti fir-rebħa kontra Qormi fejn spikkaw it-Taljan Andrea Navarra u Stanley Ohawuchi, awturi ta’ doppjetta kull wieħed. Min-naħa tagħhom Birkirkara, għalkemm rebħu bi tbatija kontra Rabat, jistgħu jafdaw fin-Niġerjan Frank Temile li hu wkoll skorja żewġ gowls fl-aħħar logħba tiegħu. Logħba miftuħa għal kull riżultat meta ninsabu hekk kmieni f’dan l-istaġun.

Fil-Victor Tedesco Stadium, Balzan jilagħbu kontra Rabat Ajax f’logħba li tista’ toffri ċertu bilanċ. Balzan kienu xxurtjati li ġabu d-dro fl-aħħar logħba kontra Vittoriosa fl-aħħar minuti u għalhekk iridu joqogħdu ferm attenti minn Rabat li taw dak kollu li setgħu kontra Birkirkara. Hija logħba partikolari għal Jose Luis Armaro Negrin ta’ Balzan li se jkun qed jilgħab kontra l-eks tim tiegħu. Balzan se jkollhom nieqes lil Aaron Agius li huwa sospiż.

Floriana, li wara din il-logħba jiltaqgħu kontra Tarxien, għandhom l-objettiv li jeliminaw il-punti ta’ penalizazzjoni ta’ -5 kmieni fl-istaġun u rebħa biss tista’ tissodisfahom. Huma jittamaw fil-vena pożittiva ta’ Bogdanovic u Coronado sabiex jilħqu dan l-għan. Tarxien li tilfu l-ewwel logħba tagħhom se jkollhom sospiż lil Marko Potezica.

Il-Ħadd qabel il-partitissima bejn Valletta u Hibernians ikollna dwell interessanti ferm bejn Mosta u Vittoriosa Stars. Il-Ġirbin kellhom logħba pożittiva ferm kontra Balzan u kienu biss minuti bogħod milli jiksbu t-tliet punti. Huma jisperaw li l-Kolombjan Oscar Guerrero jkompli fejn ħalla kontra Balzan wara li skorja doppjetta b’gowls ferm tajbin. Il-Mostin wara l-wirja qalbiena kontra l-Beltin jittamaw li din id-darba l-fortuna tkun favurihom sabiex jieħdu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.

Logħob għal dan tmiem il-ġimgħa

Is-Sibt 24 ta’ Awwissu 2013

Stadium Nazzjonali:

18.30 – Qormi vs Naxxar Lions

20.30 – Birkirkara vs Sliema Wanderers

Victor Tedesco Stadium

18.30 – Balzan vs Rabat Ajax

20.45 – Floriana vs Tarxien

Il-Ħadd 25 ta’ Awwissu 2013

18.30 – Mosta vs Vittoriosa Stars

20.30 – Valletta vs Hibernians

Klassifika:

Sliema, B’Kara, Valletta, Hibernians 3 punti

Vittoriosa, Balzan, Naxxar 1 punt

Tarxien, Rabat, Qormi, Mosta 0 punti.

Floriana -5 punti

(Floriana kellhom 6 punti mnaqqsa qabel il-bidu tal-istaġun)

 





Leave a comment