- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Hibs u Suns jirkupraw u jikkwalifikaw

Posted By sportinmalta1 On January 21, 2014 @ 9:35 pm In Basketball,Featured | No Comments

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Hibs 64

Mellieħa Tritones 47

(20-13)(18-6)(14-10)(12-18)

Hibs u Mellieħu reġgħu ltaqgħu inqas minn 48 siegħa wara l-partita tal-kampjonat però din id-darba kienu Hibs li ħarġu rebbieħa 64-47 u hekk kif il-polza laqqgħatom ma’ Lightning Mondays tista’ tgħid li għandhom post fil-finali. Hibs bdew b’basket ta’ Svens Niedritis u trippla ta’ Kieron Caruna. Mellieħa fallew l-ewwel sitt free-throws li kellhom  u kien wara li Hibs kabbru l-vantaġġ b’basket ta’ Simon Attard li għamlu l-ewwel punti tagħhom permezz ta’ Clint Grixti u John Muscat. Hawn Caruana għamel it-tieni trippla tiegħhu flimkien ma’ iktar punti minn Niedritis u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 18-8 u temmew l-ewwel sessjoni 20-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima kienu Hibs li ddominaw l-ewwel ħames minuti fejn għamlu run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Niedritis u baskets minn Attard u Gabriel Agius. Luke Farrugia wkoll għamel three pointer għal Hibs u minkejja li Mellieħa kellhom il-punti ta’ Samuel Aquilina u Michel Farrugia, Hibs daħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju 38-19.

Wara l-intervall ir-reazzjoni ta’ Mellieħa ma waslitx anzi kienu Hibs li komplew iżidu l-vantaġġ b’run oħra ta’ 10-0 bi trippla ta’ Attard li kellhu wkoll basket flimkien ma’ tnejn oħra minn Niedritis. Mellieħa finalment bdew jirrispondu u għaqqdu break ta’ 10-2 fejn kellhom it-three pointers minn Polis u Oliver Sammut però Hibs kienu għadhom 52-29 minn fuq meta ntemmet is-sessjoni. Fir-raba’ perjodu Hibs baqgħu jikkontrollaw minkejja li kien hemm trippla oħra minn Polis għall-Mellieħa. Lejn it-tmiem Mellieħa kellhom il-punti konsekuttivi minn Joshua Aquilina li servew biss biex jagħmlu l-iskor iktar rispettabli biex Hibs rebħu l-partita 64-47.

Hibs: S. Niedritis 21, J. Flagel 5, A, Baldacchino, L. Farrugia 3, S. Atttard 19, G. Agius 6, K. Caruana 8, C. Bugeja, K. Sultana, R. Carabott 2, M. Formosa.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 4, M. Farrugia 4, J. Muscat 2, S. Aquilina 7, P. Magro, O. Sammut 6, J. Aquilina 13, R. Polis 9, P. Cauchi, K. Cucciardi 2.

Referees: Steve Gouder, Zvezdan Dobrosaviljevic

Miscela D’oro Mtarfa 50

SN Suns 57

(7-11)(13-15)(16-14)(14-17)

SN Suns irritornaw għar-rebħ wara ż-żewġ telfiet fil-kampjonat meta għelbu lil Miscela D’oro Mtarfa 57-50 biex għaddew għas-semifinali fejn issa jiltaqgħu kontra Phoenix. Għal Suns għadhom nieqsa Alex Bianchi, Robert Mercieca, Simon Cauchi u magħhom żdied ukoll Igor Marjanovic. Kienu Mtarfa li għamlu l-ewwel punti tal-partita bi trippla ta’ Timothy Zammit. Però l-punti tagħhom ġew kollha fl-ewwel ħames minuti u minn hemm ‘l quddiem kienu biss Suns li għamlu l-baskets. Għalijhom kien hemm il-punti ta’ Stefan Vella, Michael Barberi u Keith Scicluna biex temmew is-sessjoni 11-7 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Mtarfa resqu viċin b’basket minn Daniel Farrugia però Suns kellhom break qasir ta’ 6-2. Mtarfa rrispondew b’żewġ three pointers minn Samuel Zammit u Kurt Xuereb biex naqqsu d-distakk iżda kienu Suns li daħlu jistrieħu minn fuq 26-20.

Wara l-intervall il-bidu kien bilanċjat biex Suns żammew il-vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-avversarji 32-26. Hawn Mtarfa għamlu run ta’ 10-0 b’żewġ baskets ta’ Zammit u Jarnis Viibe biex marru minn fuq 36-32. Sun għamlu reazzjoni fl-aħħar minuta u nofs u kellhom run ta’ 8-0 b’żewġ baskets ta’ Scicluna u reġgħu ħadu l-vantaġġ 40-36. Fl-aħħar taqsima ż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin u għal ħin twil basket biss kien jifridhom. Kien fis-sitt minuta li Suns irnexxielhom jagħmlu tlett baskets mingħajr risposta biex fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 53-46. Mtarfa kellhom it-trippla ta’ Xuereb però Suns komplew jikkontrollaw u rebħu l-partita 57-50.

Miscela D’oro Mtarfa: J. Attard 2, A. Psaila 2, K. Xuereb 6, R.J Zammit 4, N. Grech, D. Farrugia 2, T. Zammit 8, S. Zammit 13, J. Viibe 6, M. Borg, D. Schembri 7.

SN Suns: A. Pace, S. Borg, K. Scicluna 12, L. Grech 11, H. Agius 14, M. Barberi 14, S. Vella 5, R. Camilleri 1.

Referees: Emanuel Mangani, Teemu Helenius.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/hibs-u-suns-jirkupraw-u-jikkwalifikaw/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.