Hibs u Starlites jiftħu t-tieni round b’rebħa

Monday, December 9, 2019, 17:02

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

ARMS Depiro 66

Hibernians 77

(15-17)(6-26)(21-16)(24-18)

Hibernians saħħew posthom fl-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil ARMS Depiro 77-66 fil-partita li fetħet it-tieni round tal-kampjonat Mapfre MSV Life. Depiro kellhom nieqsa lil Nicole Agius u Claire Ciantar u ntroduċew lil Jasmine Mallia u Ann Marie Abela. Hibs kienu mingħajr Julia Scerri biex irritornat Kaya Calleja. Wara bidu bilanċjat fejn Hibs ħadu vantaġġ ta’ basket, huma għamlu break ta’ 9-2 b’punti minn Ashleigh Van Vliet u Amelia Simmons. Depiro rkupraw pemezz tal-punti minn Nicole Hili u Hannah Johnson u rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal basket 15-17 fi tmiem is-sessjoni. Fit-tieni perjodu Hibs reġgħu bdew tajjeb u għamlu run ta’ 11-2 fosthom trippla ta’ Naomi Farrugia bil-punti l-oħra jerġgħu jaslu mill-koppja Van Vliet-Simmons. Depiro waqqfulhom ir-run bi trippla ta’ Martina Scicluna però Hibs ma damux biex bdew oħra din id-darba ta’ 15-0 hekk kif turn-overs ta’ Depiro ssarrfu f’fast breaks mill-Pawlisti li daħlu jistrieħu 43-21 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro wettqu reazzjoni fejn kienu huma li approfittaw mill-iżbalji tal-Hibs u għaqqdu break ta’ 11-2. Wara time-out ta’ Silvia Gambino, Hibs reġgħu bdew iżidu l-vantaġġ hekk kif Van Vliet u Simmons komplew bil-punti tagħhom. Johnson tħabtet għal Depiro hekk kif għamlet il-maġġoranza tal-punti tagħhom f’din it-taqsima li Hibs temmewha 59-42 minn fuq. Fl-aħħar perjodu iż-żewġ timjiet komplew jirrispondu lil xulxin b’diversi players żgħażagħ fuq il-cort fosthom Shanise Farrugia li kellha żewġ trippli għal Depiro li waslu sa’ 10 punti ‘l bogħod 58-68. Sa’ tmiem il-partita Hibs ikkontrollaw il-vantaġġ li kellhom bil-punti ta’ Van Vliet bid-Depiro jagħlqu l-partita b’żewġ baskets ta’ Neve Borg għar-rebħa finali ta’ Hibernians 77-66.

ARMS Depiro: No. Agius 2, J. Mallia, N. Ebejer 2, J. Borg, D. Said Hollier 4, M. Scicluna 7, N. Hili 8, S. Farrugia 8, A. Abela, N. Borg 6, H. Johnson 29, E. Cassar.

 

Hibernians: I. Agius 1, Y. Bonett 6, A. Van Vliet 25, S. Brincat 2, L. Duncan 4, J. Abela, C. Camilleri 2, A. Simmons 24, N. Farrugia 8, K. Calleja 1, K. Caruana 4, M. Buhagiar.

Referees: Bernard Vassallo, Luke Camilleri, Sejmir Jafilika

Luxol 55

Starlites GIG 84

(7-22)(22-24)(10-25)(16-13)

Starlites wieġbu għar-rebħa ta’ Hibs meta għelbu lil Luxol 84-55. Luxol reġgħu

Ritratt: Wally Galea

kienu mingħajr Mandi Mercieca u magħha kienu nieqsa wkoll Sarah Pace u Ina Baena għalkemm kellhom lura lil Martina Darmanin. Starlites fetħu bl-ewwel 8 punti tal-partita minn Patricia Arguello, Christina Curmi u Mikela Riolo. L-ewwel punti ta ‘ Luxol ġew minn trippla ta’ Antoinette Borg però Starlites kellhom sensiela ta’ punti minn Steffi De Martino biex kabbru l-vantaġġ. Luxol kellhom trippla oħra minn Kay Portelli qabel ma Starlites għamlu l-aħħar punti tat-taqsima wkoll minn trippli ta’ Michela Zammit Cordina u De Martino għal skor ta’ 22-7. Fit-tieni taqsima Luxol qasmu iktar il-logħob għalkemm Starlites dejjem baqgħu fuq quddiem. Luxol waslu sa’ 12 -il punt ‘l bogħod bi Starlites ikollhom trippli minn Riolo u De Martino u jidħlu jistrieħu 46-29 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Starlites reġgħu iddominaw u wara li kabbru l-vantaġġ għal 20 punt, irnexxielhom jagħmlu run oħra ta’ 11-0 għal skor ta’ 71-39. Fl-aħħar sessjoni l-punti naqsu għalkemm Luxol kellhom tlett three pointers fosthom tnejn taż-żagħżugħa Lara Caruana Montaldo flimkien ma’ Beverlee Zammit. Għal Starlites kien hemm il-punti ta’ Anthea Micallef u Maria Bonett biex huma ħarġu rebbieħa 84-55. Il-kampjonat issa jagħmel spazju għat-tazza Louis Borg bis-semi-finali li se jsiru nhar Il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej. Il-polza laqqgħet kontra xulxin lil Hibs u Starlites u Luxol kontra Depiro fejn hu mistenni li jkollna erba’ partiti kumbattuti.

Luxol: M. Caruana, C. Sollami 7, Ni. Vella 4, No. Vella 7, S. Vella 4, K. Portelli 6, A. Borg 16, J. Schembri 2, L. Caruana Montaldo 6, M. Darmanin, B. Zammit 3.

 

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 13, M. Riolo 7, A. Micallef 13, S. Farrugia 4, M. Bonett 7, C. Curmi 6, S. De Martino 19, P. Arguello 8, M. Cutajar 3, A. Lupo 4.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Luke Camilleri, Sejmir Jafilika





Leave a comment