Hibs u Mellieħa Mr. Green fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat

Thursday, March 12, 2015, 17:42

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

St. Nicholas Suns 41

Hibs 68

(6-19)(5-14)(12-20)(18-15)

Hibs saru l-ewwel team li wasal fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat meta kisbu t-tieni rebħa kontra c-champions renjanti St. Nicholas Suns 68-41. Hibs kienu dominanti sa’ mill-ewwel minuti tal-partita u kellhom ukoll difiża tajba tant li ħallew lis-Suns fuq il-ħdax –il punt fl-ewwel żewġ sessjonijiet. Hibs saħħew l-iskwadra tagħhom f’dan il-mument kruċjali tal-istaġun bl-akkwist tal-player mill-Botswana Churchill Barrows. Huma bdew il-partita b’seba’ punti ta’ Kieron Caruana frisk mir-rebħ tal-unur tal-Enervit player tax-xahar ta’ Frar. Suns wieġbu fir-raba’ minuta bi tlett punti ta’ Hubert Agius iżda Hibs malajr reġgħu ħadu l-partita f’idejhom. Fil-fatt, huma kellhom run ta’ 12-3 mis-seba’ minuta ‘l quddiem bit-tieni trippla ta’ Caruana flimkien ma’ Barrows, Stefan Vella u Simon Attard. Hibs temmew it-taqsima 19-6 minn fuq u bdew it-tieni waħda b’run oħra ta’ 6-0 b’żewġ baskets ta’ Michael Giusti u ieħor ta’ Caruana. Għal darb’oħra, reġa kien Agius li wieġeb għal Suns bil-kumplament tat-taqsima tkun bilanċjata u fl-intervall Hibs kienu 33-11 minn fuq.

Wara l-intervall, Suns tħabtu biex inaqqsu d-distakk u bdew b’żewġ baskets ta’ Lee Grech u Louis Camilleri. Hibs kienu pronti bir-risposta tagħhom li waslet b’run ta’ 11-0 b’żewġ three pointers ta’ Caruana u ieħor ta’ Simon Attard. Lejn tmiem il-perjodu l-istess żewġ players kisbu three pointer ieħor flimkien mal-punti ta’ Barrows għal skor ta’ 53-23. L-aħħar taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata hekk kif il-coach ta’ Hibs Ruben Baldacchino ta spazju lil players ta’ fuq il-bank. Suns approfittaw biex bdew iwieġbu għall-punti tal-Hibs li però setgħu jikkontrollaw il-partita bil-vantaġġ komdu li kellhom. Fabrizio Mariani kompla jżidilhom il-vantaġġ b’basket u trippla. Lejn it-tmiem Suns irnexxielhom iżidu l-punteġġ tagħhom bil-punti ta’ Camilleri u trippla ta’ Stefano Borg però kienu Hibs li rebħu l-partita 68-41.

St. Nicholas Suns: A. Pace; S.Borg 5, R. Camilleri 4, L. Grech 12, H. Agius 9, M. Barberi, K. Scicluna, R. Camilleri 2, S. Cauchi 3, L. Camilleri 6.

Hibs: M. Giusti 7, M. Humpton, A. Baldacchino, L. Farrugia 4, S. Attard 15, G. Agius 2, K. Caruana 21, R. Cortis 4, K. Sultana, S. Vella 2, F. Mariani 5, C. Barrows 8.

Referees: Emanuel Mangani; Brian Sly

Phoenix Frank Salt 42

Mellieħa Mr. Green 61

(18-18)(10-16)(10-10)(4-17)

Se jkunu t-team ta’ Mellieħa Mr. Green li se jisfidaw lil Hibs għar-rebħ tal-kampjonat meta fit-tieni semifinali għelbu lil Phoenix Frank Salt 61-42. Phoenix kellhom nieqes lil Jonathan Ransley u bħala coach kellhom lil Orlando Bonnici. Phoenix kellhom l-aħjar bidu tal-partita u bil-punti ta’ Luke Azzopardi u Chris Briffa marru 12-3 minn fuq. Wara time-out, Mellieħa tejjbu l-logħba tagħhom u wettqu reazzjoni mmexxija minn Clint Grixti u sa’ tmiem is-sessjoni rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs 18-18. Mellieħa marru għall-ewwel darba minn fuq fit-tieni sessjoni bil-punti ta’ Robert Loporto u Samuel Aquilna. Phoenix kellhom ir-risposta ta’ Andres Toompere qabel ma’ Joshua Aquilina u Emanuel Lupo żiedu l-vantaġġ ta’ Mellieħa li fil-intervall kienu 34-28 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni l-punti naqsu u sar-raba’ minuta kien hemm biss 3 punti minn Phoenix u żewġ baskets ta’ Mellieħa minn Grixti u Loporto. Phoenix kellhom trippla ta’ Costa u basket ta’ Toompere biex naqqsu d-distakk għal basket 36-38 però Polis u Loporto reġgħu żiedu l-vantaġġ ta’ Mellieħa 44-38. Fl-aħħar taqsima, Mellieħa kellhom run ta’ 11-2 bi trippla ta’ Jan Stupka biex fetħu vantaġġ komdu ta’ 15 –il punt 55-42. Sat-tmiem Phoenix kellhom basket wieħed biss minn Daniel Cuenca bil-Mellieħa jagħlqu l-partita b’sitt punti oħra u rebħu l-partita 61-42.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 5, G. Micallef, D. Pisani, R. Curmi, D. Debattista, C. Camenzuli, D. Cuenca 7, C. Briffa 15, A. Costa 4, M. Fenech 1, A. Toompere 10.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 20, M. Farrugia 2, J. Muscat, S. Aquilina 4, R. Polis 4, R. Loporto 8, J. Stupka 7, J. Aquilina 6, E. Lupo 10, I. Terribile, B. Soler, P. Magro.

Referees: Luke Camilleri, Brian Sly.





Leave a comment