Hibs u Honey Athleta jibdew il-kampjonat bir-rebħ

Monday, November 3, 2014, 19:32

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 44

Hibs 51

(12-20)(10-13)(9-8)(13-10)

Hibs pattew għat-telfa li sofrew fis-semifinali tas-shield meta fil-partita tal-ftuħ tal-kampjonat St. James Hospital għelbu lil Pavi Depiro 51-44. Depiro se jkunu mmexxija minn Clelia Benmesbah li fis-snin tmenin u l-bidu tas-snin disgħin kienet player prominenti fil-basketball lokali. Hibs kellhom nieqsa lil Kim Portainer Mifsud u Jean Doughty fil-waqt lil għal Depiro kien hemm l-introduzzjoni ta’ Petra Montanaro però kienu nieqsa Antoinette Borg u Claire Ciantar. Hibs kellhom bidu tajjeb tant li fl-ewwel ħames minuti marru 12-2 minn fuq fejn huma kellhom il-punti ta’ Christina Grima, Silvia Gambino u Elena Cassar. Depiro rrispondew bil-punti ta’ Samantha Brincat u Sierra Evans però Hibs żiedu l-vantaġġ b’żewġ baskets oħra u temmew l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 8 punti 20-12. Fit-tieni taqsima kien hemm il-punti ta’ Maria Bonett u Brincat għal Depiro qabel ma Hibs żiedu l-vantaġġ bi break ta’ 7-2 wara punti minn Cassar u Maria Desira. Sat-tmiem il-perjodu kien hemm aktar punti fuq kull naħa biex Hibs daħlu jistrieħu 11 –il punt minn fuq 33-22.

Depiro bdew aħjar wara l-intervall meta għamlu run ta’ 7-0 mibdi bi trippla ta’ Brincat bil-coach ta’ Hibs Bruno Di Pietrantonio kostrett jagħjjat it-timeout. Dan ħalla l-frott mixtieq hekk kif Hibs għamlu run ta’ 8-0 b’punti minn Cassar, Desira u Ema Micallef. Depiro għamlu biss żewġ free-throws oħra u r-raba’ taqsima bdiet bil-Hibs 10 minn fuq 41-31. Kienet Evans li għamlet l-ewwel punti għal Depiro però Hibs komplew iżidu l-vantaġġ b’aktar punti ta’ Cassar. Depiro kellhom l-aħħar break ta’ 9-2 biex waslu sa’ ħames punti ‘l bogħod iżda l-ħin kien kontra tagħhom u Hibs għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Cassar biex rebħu l-partita 51-44.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 6, R. Calleja, S. Brincat 16, M. Bonett 8, N. Agius 8, M. Mifsud 2, S. Evans 12, P. Montanaro, S. Micallef.

Hibs: E. Micallef 7, E. Cassar 18, S. Gambino 7, F. Mifsud, J. Xuereb 2, M. Desira 6, C. Grima 11, N. Mifsud, I. Agius, N. Farrugia, J. Scerri.

Referees: Bernard Vassallo, Luke Camilleri.

DHL Phoenix 39

Honey Athleta 69

(5-22)(13-14)(11-19)(10-14)

Kif mistenni Honey Athleta bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa fuq DHL Phoenix 69-39. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil mill-aħħar ħarġiet tagħhom. Phoenix kellhom lill-player mill-Uganda Sandra Mumduru flimkien ma’ Justine Busuttil Gaerthy u Stephanie Davies. Għall-Athleta setgħu finalment jilgħabu l-akkwisti tagħhom Lindsey Pirotta u Natasha Attard. Athleta kellhom bidu qawwi bi break ta’ 14-0 b’diversi punti mill-Amerikana Amelia Simmons u baskets oħra minn Leanne Sciberras, Lonneke Cassar u Sammy Jo Barbara. Ir-risposta ta’ Phoenix ġiet minn Martha Gatt  però Athleta kellhom sitt punti oħra biex temmew it-taqsima 22-5 minn fuq. Fit-tieni perjodu Athleta kellhom il-punti minn Barbara u Francesca Farrugia però Phoenix wieġbu bi trippla ta’ Busuttil Gaerthy u baskets minn Adriana Demanuele u Davies biex naqqsu xi ftit id-distakk. Athleta kellhom aktar punti minn Farrugia u Denise Said Hollier biex fl-intervall kellhom vantaġġ doppju ta’ 18-il punt 36-18.

Phoenix fetħu t-tielet taqsima bi trippla oħra ta’ Busuttil Gaerthy u basket ta Yanika Agius. Hawn Athleta kellhom run qawwija ta’ 16-2 li bdewha bi trippla ta’ Sciberras flimkien mal-punti ta’ Sharon Vella, Emma Moore u Said Hollier għal skor ta’ 55-29. Fl-aħħar taqsima l-partita kienet deċiża u Athleta kellhom ukoll break ieħor ta’ 9-1. Ghal Phoenix kien hemm it-tielet trippla oħra ta’ Busuttil Gaerthy flimkien mal-punti ta’ Demanuele u Guliana Torpiano biex Athleta għalqu b’basket minn Said Hollier biex rebħu l-partita 69-39.

DHL Phoenix: Y. Agius 2, L. Pace 9, N. Said 1, M. Gatt 3, S. Munduru, F. Sant 2, G. Torpiano 4, J. B. Gaerthy 10, A. Demanuele 4, F. Camilleri 1, C. Scicluna, S. Davies 3.

Honey Athleta: E. Moore 2, L. Pirotta, S. Vella 2, L. Cassar 10, L. Sciberras 9, n. Attard,  D. Said Hollier 7, A. Simmons 16, R. Sciberras 2, F. Farrugia 6, S.J. Barbara 11, C. Mifsud 4.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment