Hibs u Depiro javvanzaw għas-semi-finali b’żewġ rebħiet

Monday, December 16, 2019, 22:20

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 106

Starlites GIG 96

(31-23)(32-22)(17-22)(26-29)

Hibernians se jġorru magħhom vantaġġ ta’ 10 punti għat-tieni leg wara li għelbu lil Starlites GIG 106-96 fl-ewwel partita. Għal Hibs għadu nieqes William Ahlberg u għal Starlites Ivan Kumric. Wara li Starlites marru 5-4 minn fuq, Hibs kellhom run ta’ 9-0 bi trippli minn Chandler Rowe u Nikola Vasovic. Starlites kellhom risposta minn Alec Felice Pace li wkoll kellhu trippla u waslu sa’ basket ‘l bogħod però l-punti ta’ Hibs komplew ġejjin minn Ivan Demcesen u Anton Axiaq biex huma temmew is-sessjoni 31-23 minn fuq. Fit-tieni perjodu Starlites fetħu bi trippla minn Konor Kulas però Hibs kellhom run ta’ 12-2 li għalquha bi trippla ta’ Isaac Bonett biex fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 45-30. Starlites reġgħu naqqsu d-distakk wara punti minn Kulas u trippla ta’ Matthew Scerri però sofrew is-saħħa ta’ Demcesen taħt il-boards li beda jikseb punti kontinwi li raw lil Hibs jidħlu jistrieħu 63-45 minn fuq wara trippla ta’ Kieron Caruana eżatt mal-buzzer.

Wara l-intervall, il-vantaġġ ta’ Hibs kiber għal 22 punt wara punti ta’ Vasovic.

Ritratt: Wally Galea

Hawn Starlites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 13-2 fosthom trippli ta’ Robert Bonnici u Ian Felice Pace biex naqqsu d-distakk għal 11 –il punt. Hibs waqqfuhom bil-punti ta’ Rowe però Starlites kellhom seba’ punti oħra biex it-taqsima ntemmet bil-Hibs 80-67 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat fejn għal Hibs kien Vasovic li kiseb baskets u trippla għal skor ta’ 89-72. Starlites reġgħu naqqsu d-distakk għal 10 punti hekk kif Kulas kiseb żewġ trippli qabel ma Hibs għaqqdu l-mitt punt bil-punti ta’ David Bugeja. Vasovic reġa’ kiseb il-punti ta’ Hibs qabel ma Starlites għalqu l-partita bil-punti ta’ Jeremy Marseille u trippla mportanti ta’ Felice Pace biex Starlites naqqsu d-distakk għal 10 punti, 106-96.

Hibernians: P. Attard, D. Bugeja 12, K. Caruana 3, L. Farrugia, I. Bonnett 7, N. Vasovic 31, A. Axiaq 8, M. Matijevic 5, M. Attard, C. Rowe 12, I. Demcesen 28.

Starlites GIG: A. Felice Pace 31, R. Bonnici 14, I. Felice Pace 5, M. Fabri, M. Falzon, M. Scerri 7, R. Carabott 3, K. Kulas 25, J. Marseille 13.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Luke Camilleri.

Starlites GIG 71

Hibernians 91

(25-24)(15-18)(6-29)(25-20)

Hibs għaddew għar-round li jmiss meta fit-tieni partita kontra Starlites GIG huma ħarġu rebbieħa 91-71 biex għaddew b’aggregate ta’ 197-167 wara r-rebħa tal-ewwel partita. Hibs fetħu tajjeb u ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-4 bl-Amerikan Chandler Rowe jibda tajjeb flimkien ma’ Anton Axiaq u Nikola Vasovic. Starlites irkupraw u għamlu l-iskor indaqs 12-12 u sa’ tmiem is-sessjoni rrenja l-bilanċ bejn iż-żewġ timijiet tant li l-ebda wieħed ma rnexxielhu jiftaħ vantaġġ sostanzjali. L-akbar vantaġġ kien ta’ sitt punti għal Starlites però risposta minn Marco Matijevic u Ivan Demcesen għal Hibs rathom inaqqsu d-distakk għal punt               25-24. Fit-tieni perjodu Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Alec Felice Pace u punti ta’ Jeremy Marseille. Hibs ukoll irrispondew bit-three pointers fejn kellhom tnejn ta’ Rowe u ieħor ta’ Bugeja biex sal-intervall qalbu l-iskor favurhom 42-40.

Fit-tielet taqsima, Hibs ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 12-0 b’Vasovic jagħmel trippla flimkien ma’ Rowe u Bugeja. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Felice Pace però ma kienx biżżejjed għax Hibs komplew jagħfsu u għamlu run oħra ta’ 12-2 bi trippla ta’ Luke Farrugia biex fetħu vantaġġ ta’ 25 punt 71-46. Starlites fetħu l-aħħar taqsima b’żewġ trippli ta’ Matthew Scerri bil-Hibs iwieġbu bi break ieħor ta’ 9-2. B’vantaġġ sod ta’ 36 punt bl-aggregate, il-partita kienet deċiża favur Hibs u ż-żewġ coaches ħadu l-okkażjoni biex jużaw xi players ta’ fuq il-bank. Fosthim kien hemm Miguel Fabri li kiseb żewġ baskets flimkien ma’ żewġ trippli tal-Amerikan Konor Kulas. Għal Hibs kien hemm ukoll trippla minn Matthew Attard flimkien mal-aħħar punti ta’ Axiaq u Demcesen biex Hibs rebħu l-partita 91-71.

Starlites GIG: A. Felice Pace 17, R. Bonnici 6, I. Felice Pace 7, M. Fabri 4, M. Falzon 2, M. Scerri 10, R. Carabott, K. Kulas 21, J. Marseille 4.

 

Hibernians: P. Attard, D. Bugeja 8, K. Caruana 2, L. Farrugia 4, I. Bonnett 5, N. Vasovic 16, A. Axiaq 4, M. Matijevic 7, M. Attard 3, C. Rowe 23, I. Demcesen 17.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Daniella Torok

Luxol 91

 

Depiro 95

(16-18)(29-21)(24-26)(22-30)

Din il-partita wkoll baqat miftuħa wara l-ewwel leg li ra lil Depiro joħorġu rebbieħa 95-91 fejn għal Luxol kellhom lil Vukassin Jandric li spiċċa l-partita bi 43 punt filwaqt lil għal Depiro l-koppja Marco Todorovic u Quin Cooper qasmu bejniethom 60 punt. Luxol kellhom lil Stefan Cappello sospiż u Depiro kienu mingħajr Michael Naudi, Miguel Brincat u Andy Attard. Il-partita kellha bidu bilanċjat tanty li wara l-ewwel minuti kien hemm parita ta’ 8-8. Luxol kellhom trippla minn Jean Paul Schembri bid-Depiro jwieġbu bi break ta’ 8-0 u minkejja trippla ta’ Jandric, Depiro temmew it-taqsima basket minn fuq 18-16. Fit-tieni perjodu, iż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin għal ħin twil bl-iskor ikun ta’ partita għal diversi drabi. Luxol kellhom mument tajjeb bi break ta’ 9-0 bi trippli ta’ Schembri u Keith Dimech hekk kif Depiro tilfu lil Nicholas Grech b’żewġ technical fouls. Luxol komplew bi trippla oħra ta’ Dimech sal-intervall kellhom vantaġġ ta’ sitt punti 45-39.

Depiro fetħu l-aħjar fit-tielet sessjoni bl-punti ta’ Cooper u Todorovic biex naqqsu d-distakk għal punt 46-47. Luxol reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippli ta’ Jandric u Schembri u reġgħu fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 60-53. Depiro għamlu seba’ punti mingħajr risposta biex għamlu l-iskor indaqs però pront kien Jandric li b’punti konsekuttivi poġġa lil Luxol għal darb’oħra fuq quddiem u saħħew il-vantaġġ bi trippla ta’ Juan Cefai 69-65. Fl-aħħar sessjoni Depiro marru fuq quddiem però Luxol ma ċedewx hekk kif Jandric u Dimech komplew jagħmlu l-punti. Depiro kellhom it-trippli minn Cooper u Omar Said qabel ma Jandric kiseb trippla oħra għal Luxol. Depiro għamlu żewġ three pointers konsekuttivi minn Kurt Xuereb u Said biex ħadu l-vantaġġ li żammewh sat-tmiem il-partita u jiħduh magħhom għat-tieni leg.

Luxol: J. Cefai 7, V. Jandric 41, P. Englebert 4, E. Caruana Montaldo, F. Mifsud Bonnici 3, JP Schembri 11, K. Dimech 19, I. Pace, L. Trapani, K. Gauchi, S. Opojevlic 4.

 

Depiro: M. Todorovic 30, Q. Cooper 30, D. Farrugia 2, N. Grech 4, O. Said 11, K. Xuereb 13, M. Borg, J. Attard, A. Chomo.

Referees: Gordon Barbara, Daniella Torok, Sejmir Jafilika.

Depiro 90

Luxol 83

(19-28)(24-11)(23-15)(24-29)

Depiro wkoll għaddew għas-semifinali wara li kisbu t-tieni rebħa kontra Luxol 90-83 u bl-aggregate rebħu 183-174. Iż-żewġ timijiet kellhom l-istess formazzjoni ta’ jumejn qabel hekk kif Stefan Cappello kien lura fil-line-up ta’ Luxol però ma ħax sehem fil-partita. Luxol fetħu tajjeb u fittxew li jinnewtraliżżaw id-distakk ta’ 4 punti sa’ mill-ewwel ħinijiet tant li marru 9-2 minn fuq. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Quin Cooper però Luxol baqgħu fuq quddiem bil-punti tas-Serb Vukassin Jandric u fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 21-12. Depiro kellhom it-trippli minn Kurt Xuereb u Nicholas Grech però Luxol temmew it-taqsima 28-19 minn fuq wara trippla ta’ Jandric. Fit-tieni taqsima, kienu Luxol li fetħu bil-punti ta’ Keith Dimech u trippla ta’ Jandric. Hawn però Depiro kellhom mument tajjeb bi break ta’ 16-2 b’diversi punti ta’ Cooper flimkien ma’ Xuereb u Adam Chomo u marru minn fuq 39-35 u żammew vantaġġ ta’ 4 punti sal-half-time 43-39.

Wara l-intervall kien hemm diversi punti fuq kull naħa bid-Depiro jibdew bi trippla ta’ Omar Said fil-waqt li Keith Dimech beda jwieġeb għal Luxol. Depiro marru 10 minn fuq qabel ma’ Luxol kellhom sitt punti mingħajr risposta minn Dimech u trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici. Depiro wieġbu b’run ta’ 9-0 biex temmew il-perjodu 66-54 minn fuq. Fl-aħħar taqsima l-logħob baqa’ bilanċjat hekk kif iż-żewġ coaches daħħlu jilgħabu players ta’ fuq il-bank b’Matthew Borg jibda bi trippla għal Depiro. Depiro komplew b’run oħra ta’ 9-2 bejn Chomo u Marco Todorovic qabel ma’ Luxol għalqu l-partita b’żewġ trippli ta’ Dimech għar-rebħa ta’ Depiro  90-83.

Depiro: M. Todorovic 14, Q. Cooper 28, D. Farrugia 9, N. Grech 6, O. Said 6, K. Xuereb 9, M. Borg 5, J. Attard, A. Chomo 12, A. Attard 1.

 Luxol: J. Cefai 7, V. Jandric 22, P. Englebert, E. Caruana Montaldo, F. Mifsud Bonnici 11, JP Schembri 3, K. Dimech 38, I. Pace, L. Trapani, K. Gauchi, S. Opojevlic 2, S. Cappello.

Referees: Bernard Vassallo, Kamil Dworniczak, Vladimir Nikolic

 





Leave a comment