Hibs Melita Gardens jirbħu t-tazza Louis Borg

Wednesday, February 1, 2012, 10:12

minn Colin Schembri

TAZZA LOUIS BORG NISA

Luxol 45

Hibs Melita Gardens 59

(10-13)(9-21)(15-11)(11-14)

 

Fl-ewwel leg tal-finali tat-tazza Louis Borg tan-nisa, Hibs Melita Gardens għamlu pass importanti meta kisbu rebħa b’distakk ta’ 14 –il punt 59-45 kontra Luxol. Bl-assists ta’ Kirsten Baldacchino u r-rebounds ta’ Lena Gipson, Hibs kellhom wirja tajba speċjalment fit-tieni sessjoni fejn fiha ħadu l-vantaġġ deċisiv. Luxol kellhom lil Amerikana Robin Murphy f’forma tajba pero’ batew hekk kif Mandi Sciortino għamlet it-tielet foul kmieni fil-partita u kellha tqatta ħafna ħin fuq il-bank. Luxol kienu għal darb’oħra mingħajr Amelie Paul fil-waqt li Hibs kienu bil-formazzjoni solita tagħhom. Kif mistenni l-partita kellha bidu bilanċjat tant li sa nofs l-ewwel sessjoni Hibs kienu punt minn fuq 6-5. Wara li Gipson kabbritilhom il-vantaġġ, Murphy u Beverlee Zammit wieġbu għal Luxol biex l-ewwel sessjoni għalqet bil-Hibs fuq quddiem 13-10. Luxol fetħu t-tieni perjodu b’basket ta’ Murphy pero’ mbagħad sofrew run ta’ 18-0 minn Hibs fosthom trippla ta’ Bezzina li rat lil Pawlisti jiftħu vantaġġ ta’ 19 –il punt 31-12. Luxool wieġbu b’żewġ baskets ta’ Murphy u trippla ta’ Sarah Pace biex Hibs daħlu minn fuq fil-halftime 34-19.

Fit-tielet sessjoni Luxol bdew aħjar u għamlu tlett baskets konsekuttivi biex naqqsu d-distakk. Wara time-out, Hibs reġgħu ġew f’tagħhom b’run ta’ 6-0 għalkemm Murphy kompliet twieġeb għal Luxol. Is-sessjoni għalqet bi trippla oħra ta’ Pace għal skor ta’ 45-34 favur Hibs. Wara li Luxol naqqsu d-distakk għal darb’oħra Hibs wieġbu b’run qawwija ta’ 10-1 b’żewġ trippli ta’ Bezzina. Ir-risposta ta’ Luxol waslet minn trippla ta’ Pace u free-throws ta’ Becky Naudi pero’ kienu Hibs li għamlu l-aħħar punti tal-partita biex ħarġu rebbieħa 59-45.

 

Luxol: S. Pace 11, M. Sciortino 7, C. Medina, B. Naudi 7, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 4, P. Ellul 2, R. Murphy 18, D. Muscat 1, L. Chetcuti, K. Portelli, B.Zammit 2.

Hibs Melita Gardens: J. Scerri, E. Cassar, F. Mifsud, L. Bezzina 13, M. Desira 2, K. Gatt, N. Arrigo 3, K. Baldacchino 3, J. Cardona 12, L. Gipson 20.

Referees: Alfred Carbonaro, Steve Gouder.

 

Hibs Melita Gardens 49

Luxol 46

(11-7)(17-10)(11-7)(10-22)

 

Hibs Melita Gardens rebħu l-ewwel unur tagħhom għal dan l-istaġun meta rebħu t-tazza Louis Borg b’aggregate ta’ 108-91 wara li rebħu wkoll it-tieni partita 49-46. Iż-żewġ timijiet kienu bl-istess formazzjoni ta’ l-ewwel partita. Hibs bdew il-partita b’mod mill-aqwa bl-ewwel sitt punti tal-partita. Wara li Luxol wieġbu bi trippla ta’ Sarah Pace u basket ta’ Robin Murphy, Hibs għamlu ħames punti oħra buex temmew il-perjodu 11-7 minn fuq. Hibs komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni sessjoni bi trippli ta’ Lucienne Bezzina u punti ta’ Lena Gipson. Luxol kellhom ir-risposta ta’ Mandi Sciortino pero’ Hibs reġgħu żiedu d-distakk bil-punti ta’ Maria Desira. Fl-intervall Hibs kienu 11 –il punt minn fuq u 25 bl-aggregate biex bdew jersqu viċin lejn ir-rebħ ta’ l-unur.

Fit-tielet sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat bil-Luxol inaqqsu d-distakk wara trippla ta’ Sciortino. Pero’ Bezzina malajr wieġbet bi trippla oħra biex ħalliet lil Hibs 15 minn fuq 39-24. Fl-aħħar sessjoni Luxol tħabtu biex almenu jerbħu din il-partita. Huma għamlu run ta’ 11-0 fl-ewwel sitt minuti b’punti minn Murphy u Sciortino. Hibs wieġbu permezz ta’ Gipson pero’ Sciortino kompliet tagħmel il-punti għal Luxol li naqqsu d-distakk għal 2 punti 41-43. Hibs reġgħu żiedu l-vantaġġ wara punti minn Kirsten Baldacchino u Gipson biex ikkontrollaw l-aħħar minuti u rebħu l-partita 49-46. Fi tmiem il-partita l-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg lil Lucienne Bezzina captain ta’ Hibs għas-seba’ suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

 

Hibs Melita Gardens: J. Scerri, E. Cassar, F. Mifsud, L. Bezzina 10, M. Desira 10, K. Gatt, N. Arrigo 2, K. Baldacchino 2, J. Cardona 11, L. Gipson 14.

Luxol: S. Pace 5, M. Sciortino 22, C. Medina, B. Naudi, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 2, P. Ellul 2, R. Murphy 15, D. Muscat, L. Chetcuti, K. Portelli, B.Zammit.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

 

 





Leave a comment