Hibs Melita Gardens jaċċertaw fl-ewwel leg u Luxol fit-tieni wieħed

Wednesday, December 21, 2011, 9:21

minn Colin Schembri

TAZZA LOUIS BORG NISA

Athleta 66

Luxol 61

(16-19)(19-17)(13-13)(18-12)

 

Depiro vs Hibs

Depiro vs Hibs

Fl-ewwel leg tas-semifinali tat-tazza Louis Borg tan-nisa, Athleta kisbu rebħa mportanti fuq Luxol 66-61. Għal Athleta din kienet l-ewwel rebħa fuq Luxol f’dawn l-aħħar snin u waslet wara wirja qalbiena speċjalment taħt il-boards meta ħadu 53 rebound kontra t-32 ta’ l-avversarji. Luxol kienu mingħajr Beverlee Zammit li weġġat wara li skontat is-sospensjoni. Wara basket mil-Pollajkka Alexandra Ratomska li kellha partita mil-aqwa, Luxol wieġbu b’run ta’ 11-0 li għalquha bi trippla ta’ Greta Zarb. Wara time-out, Athleta bdew jilgħabu aħjar u bil-punti kontinwi ta’ Ratomska bdew jersqu viċin u sa tmiem il-perjodu naqqsu d-distakk għal 3 punti 16-19. Luxol fetħu t-tieni sessjoni bi trippla ta’ Mandi Sciortino pero’ Athleta wieġbu b’seba’ punti 23-22. Huma kabbru l-vantaġġ b’sitt punti oħra pero’ Zarb li wkoll kellha partita tajba ferm reġgħat poġġiet lil Luxol fuq quddiem bi trippla qabel l-intervall 36-35.

Fit-tielet sessjoni l-partita kienet bilanċjata ħafna bl-ebda team ma jirnexxielhu jieħu vantaġġ qawwi. Ratomska tat vantaġġ ta’ 5 punti lil Athleta 45-40 pero’ Luxol malajr wieġbu b’run ta’ 9-2 bi trippla  ta’ Sarah Pace biex fi tmiem il-perjodu reġgħu marru minn fuq 49-48. Luxol bdew tajjeb fir-raba’ sessjoni u żiedu l-vantaġġ b’run ta’ 7-2. Athleta ppareġjaw wara baskets minn Chantelle Mifsud u Kelly Busuttil pero’ Zarb għamlet it-tielet trippla tagħha. Hawn pero’ wasal break deċisiv ta’ 10-2 minn Athleta li rebħu l-partita 66-61.

 

Athleta: M. DeMartino 2, A. Ratomska 32, D. Jager, L. Calleja 2, L. Sciberras 5, M. Azzopardi Duca, C. Ciantar 6, D. Mckeon, R. Sciberras, F. Farrugia, K. Busuttil 9, C. Mifsud 10.

Luxol: S. Pace 7, M. Sciortino 7, L. Vella, B. Naudi 8, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 28, P. Ellul 2, A. Paul 2, D. Muscat 5, L. Chetcuti 2, K. Portelli, M. Darmanin.

Referees: Alfred Carbonaro, Steve Gouder.

 

Hibs Melita Gardens 72

McDonalds Depiro 26

(23-7)(12-7)(12-12)(25-0)

 

Li Hibs Melita Gardens jegħlbu lil Mc Donalds Depiro ma tistax titqies bħala sorpriża pero’ l-fatt li rebħulhom b’46 punt u ħallewhom sessjoni sħiħa bla punti huwa sorprendenti. Hibs tista’ tgħid li għamlu ċert mil-kwalifikazzjoni meta rebħu 72-26 minkejja li kienu mingħajr Kirsten Baldacchino u Alexis Cutajar. B’difiża stretta fuq Samantha Brincat u Steffi De Martino huma waqqfu għal kollox l-attakk tal-avversarji. Depiro jridu jinsew din il-wirja malajr kemm jista’ jkun u jridu juru difiża aħjar biex verament jisfidaw għall-unuri. Intant kienu Depiro li kellhom l-aħjar bidu meta bi three pointers u Antoinette Borg marru 7-6 minn fuq. Pero’ hawn Hibs għamlu run ta’ 16-0 meta sabu quddiemhom difiża miftuħa beraħ u temmew is-sessjoni 23-7 minn fuq. Fit-tieni sessjoni l-punti naqsu xi ftit għalkemm trippla ta’ Lucienne Bezzina kabbret il-vantaġġ tal-Pawlisti. Depiro wieġbu biss bil-punti ta’ Brincat u Borg u fl-intervall Hibs kellhom vantaġġ ta’ 21 punt 35-14.

Fit-tielet sessjoniHibs bdew run oħra ta’ 6-0 qabel ma’ Brincat għamlet żewġ free-throws. Hawn il-coach ta’ Depiro daħħal il-players żgħażagħ li tawh suċċess kontra Loyola fil-preliminari u huma għamlu break ta’ 10-4 pero’ baqgħu 21 minn taħt 26-47. L-aħħar sessjoni kienet b’sens uniku fejn kienu Hibs biss li skurjaw wara li bdew bi trippla oħra ta’ Bezzina b’Joselle Cardona u Lena Gipson isibu ħafna spazju. Depiro dehru mitlufin u minkejja time-out kmieni mil-coach tagħhom u ma setgħu jagħmlu l-ebda risposta biex Hibs rebħu l-partita 72-26.

 

Hibs Melita Gardens: J. Scerri, E. Cassar 2, F. Mifsud, L. Bezzina 12, M. Desira 16, K. Gatt, N. Arrigo 8, J. Cardona 20, L. Gipson 14.

McDonalds Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud, J. Xuereb, S. Brincat 13, M. Scicluna, F. Biancho, T. De Martino 4, A. Borg 8, R. Sammut, M. Mifsud, S. Micallef, S. De Martino 1.

Referees: Clive Terribile, Alfred Carbonaro

 

Luxol 55

Athleta 41

(18-10)(10-9)(27-4)(5-18)

 

Luxol dawwru l-iżvantaġġ ta’ ħames punti li bdew bih it-tieni semi-finali f’rebħa ta’ 14 –il punt 55-41 biex kienu huma li għaddew għal finali u eleminaw lil Athleta. Luxol kellhom bidu tajjeb bi trippla ta’ Mandi Sciortino pero’ fis-sitt minuta Athleta ħadu vantaġġ ta’ basket 6-8. Hawn pero’ Luxol għamlu l-ewwel run tagħhom ta’ 12-2 biex temmew il-perjodu 18-10 minn fuq. Huma komplew jagħfsu meta għamlu l-ewwel ħames punti tat-tieni sessjoni. Chantelle Mifsud wieġbet għal Athleta b’erba’ punti pero’ Luxol reġgħu għamlu break ieħor ta’ 9-2. Fl-intervall Luxol kienu 9 minn fuq 28-17 u kellhom vantaġġ ta’ 4 punti bl-aggregate.

Il-bidu tat-tielet sessjoni kien determinanti hekk kif Luxol bdew bi break ta’ 12-0 fl-ewwel erba’ minuti biex fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 40-19. Athleta wieġbu permezz taż-żagħżugħa Claire Ciantar pero’ kienu Luxol li għalqu b’run oħra ta’ 8-0. Fl-aħħar sessjoni l-partita daret favur Athleta li bdew inaqqsu d-distakk u wara li għamlu l-ewwel 5 punti, Luxol qasmu l-logħob magħhom. Pero’ kienu Athleta li għamlu l-aħħar 9 punti tal-partita biex għamlu l-iskor aktar rispettabli u Luxol rebħu l-partita 55-41.

 

Luxol: S. Pace 16, M. Sciortino 7, L. Vella, B. Naudi 15, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 4, P. Ellul, A. Paul 5, D. Muscat 8, L. Chetcuti, K. Portelli, M. Darmanin.

Athleta: M. DeMartino 4, A. Ratomska 7, D. Jager, L. Calleja 4, L. Sciberras 3, M. Azzopardi Duca, C. Ciantar 15, D. Mckeon, R. Sciberras, F. Farrugia, K. Busuttil 4, C. Mifsud 4.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri

 

McDonalds Depiro 64

Hibs Melita Gardens 54

(15-10)(10-14)(14-6)(25-25)

 

McDonalds Depiro taw wirja ferm aħjar minn dawk li kellhom fl-ewwel partita u għalkemm xorta ma kkwalifikawx huma ħarġu rebbieħa 64-54 biex Hibs rebħu 126-90 bl-aggregate. Lena Gipson fetħet il-partita b’basket għal Hibs bid-Depiro jwieġbu b’7 punti. Hibs reġgħu ġew viċin wara free-throws ta’ Lucienne Bezzina pero Depiro għalqu bi break ta’ 6-2 u temmew is-sessjoni 15-10 minn fuq. Sa nofs it-tieni sessjoni Hibs reġgħu naqqsu d-distakk għall-punt 18-19 wara run ta’ 8-2 u minuta wara marru punt minn fuq 22-21. Baskets minn Steffi De Martino u Antoinette Borg raw lil Depiro jidħlu jistrieħu punt minn fuq 25-24.

Fit-tielet sessjoni Depiro kabbru l-vantaġġ għal 6 punti 31-25 u Hibs m’għamlux punti biex sat-tmien minuta l-vantaġġ kiber għal 11 –il punt 36-25. Elena Cassar u Maria Desira wieġbu għal Hibs pero’ Depiro għamlu 3 punti oħra biex temmew is-sessjoni 39-29 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda miftuħa tant li fiha saru 50 punt: 25 fuq kull naħa. Depiro għamlu run ta’ 10-2 biex kabbru l-vantaġġ għal 16 –il punt 51-35 sar-raba’ minuta. Sensiela ta’ free-throws minn Gipson u Nadia Arrigo ressqu lil Hibs viċin pero’ Depiro baqgħu jikkontrollaw il-partita ħarġu rebbieħa 64-54.

 

McDonalds Depiro: A. Mifsud 1, G. Mifsud, J. Xuereb, S. Brincat 13, M. Scicluna, F. Biancho 11, T. De Martino 5, A. Borg 13, R. Sammut, M. Mifsud, S. Micallef, S. De Martino 21.

Hibs Melita Gardens: J. Scerri, E. Cassar 6, F. Mifsud, L. Bezzina 2, M. Desira 6, K. Gatt, N. Arrigo 10, J. Cardona 6, L. Gipson 24.

Referees: Clive Terribile, Steve Gouder.

 





Leave a comment