Hibs Medsea jippareġjaw il-finali

Tuesday, May 24, 2011, 10:15

minn Colin Schembri

Hibs Medsea 55 – Luxol 41
(9-9)(14-8)(17-10)(15-14)

Ġimgħa wara li tilfu l-ewwel logħba, c-champions Hibs Medsea ġew lura biex għelbu lil Luxol 55-41 u ppareġjaw is-serje finali. Issa kollox irid jiġi deċiż fit-tielet finali tal-Ħadd li ġej. Hibs irkupraw lil Joselle Cardona pero’ tilfu lil Kirsten Baldacchino li weġġat waqt sessjoni ta’ taħriġ aktar kmieni matul il-ġimgħa. Luxol kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fil-waqt li folla sabiħa attendiet għal din il-partita.

Il-logħba kellha bidu kwiet tant li f’nofs is-sessjoni, Luxol kienu 4-2 minn fuq. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Lucienne Bezzina pero’ Emma Moore għamlet oħra għal Luxol. Wara li Hibs għamlu 4 punti oħra, Luxol ippareġjaw bi freethrows ta’ Steffi De Martino 9-9. Hibs bdew it-tieni perjodu bi break ta’ 5-0 u wara li De Martino u Moore għamlu l-punti ta’ Luxol, Hibs għamlu run oħra ta’ 6-0. Hibs baqgħu fuq quddiem fil-half time 23-17.

It-tielet sessjoni bdiet bil-Hibs ikabbru l-vantaġġ b’basket ta’ Joselle Cardona u mbagħad iż-żewġ timijiet lil xulxin sas-seba’ minuta. Break ta’ 9-2 ra lil Hibs itemmu s-sessjoni 13 minn fuq 40-27. Fl-aħħar sessjoni Luxol waslu sa’ 10 punti taħt l-avversarji wara trippla ta’ Beverlee Zammit pero’ Maria Desira wieġbet mal-ewwel għal Hibs. Hekk kif Luxol sabu diffikulta biex jersqu iktar viċin, Desira u Doreen Micallef għamlu l-aħħar punti ta’ Hibs li ħarġu rebbieħa 55-41.

Hibs Medsea: E. Micallef, E. Cassar, L. Bezzina 14, M. Desira 11, D. Micallef 14, A Darmanin 3, N. Arrigo 2, J. Cardona 11.

Luxol: E. Moore 8, M. Sciortino 10, L. Serge 2, B. Naudi 2, S. De Martino 6, P. Ellul 3, D. Muscat 4, B. Zammit 6.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri





Leave a comment