Hibs l-ewwel finalisti wara rebħa komda fuq Luxol u Starlites jibqgħu jittamaw

Monday, November 6, 2017, 17:13

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 62

Hibernians 81

(15-29)(16-19)(8-22)(23-11)

Hibs ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom għal dan l-istaġun meta għelbu b’ċertu faċilita lic-champions Bupa Luxol 81-62 fejn għal waqtiet kienu jgawdu vantaġġ ikbar u pattew għat-telfa li sofrew fil-finali tas-Super Cup. Hibs qiegħdin jiddominaw lill-avversarji taħt il-boards bil-qawwa ta’ Alvaro Lizaur u Anton Axiaq flimkien ma’ Chad Patus u Marco Matijevic. Roderick Vella jmexxi l-logħob b’mod mill-aqwa fil-waqt li l-għażla minn fuq il-bank għall-coach Mario Tabone hija vasta. Luxol kellhom id-debutt ta’ Nigel Sultana però kien għadu nieqes Dirk Schembri. Luxol bdew tajjeb u bit-three pointers ta’ William Ahlberg u Nicola Vasovic marru 10-3 minn fuq. Hawn waslet l-ewwel risposta qawwija ta’ Hibernians li għamlu run ta’ 13-0 li bdewha bi trippla ta’ Luke Farrugia u komplew bil-punti ta’ Patus u Lizaur bl-Ispanjol ukoll jikseb three pointer. Luxol irrispondew permezz ta’ Vasovic u Keith Dimech hekk kif l-Amerikan Kyle Meyer li kellhu partita kwieta kellhu jpoġġi fuq il-bank bit-tielet foul. Hawn Hibs komplew b’run oħra ta’ 11-1 fejn waslu wkoll il-punti ta’ Matijevic biex temmew l-ewwel taqsima 29-15 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol tħabtu biex inaqqsu d-distakk hekk kif kellhom it-trippli minn Ahlberg u l-ewwel basket ta’ Meyer biex naqqsu d-distakk għal 8 punti 25-33. Hibs reġgħu ħadu kontroll b’run oħra ta’ 12-2 b’aktar three pointers minn Lizaur u punti minn Axiaq u Simon Attard. Qabel l-intervall, kien Vella li kabbrilhom il-vantaġġ bi three pointer biex Hibs daħlu jistrieħu 48-31 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Hibs komplew fejn hallew bil-punti ta’ Vella u Lizaur f’run oħra ta’ 11-2. Vasovic waqqafhom bi trippla, pero Matijevic u Patus komplew bil-punti għall-Pawlisti flimkien ma’ basket ta’ Fabrizio Mariani għal skor ta’ 70-39. Fl-aħħar taqsima, Luxol bdew bi break qasir ta’ 7-0 bi trippla ta’ Keith Dimech.  Hibs wieġbu bil-punti ta’ Lizaur u Patus però Luxol komplew jitħabtu biex inaqqsu l-iżvantaġġ bil-freethrows ta’ Meyer u trippla ta’ Jean Paul Schembri fi break ta’ 12-3.  Però l-vantaġġ ta’ Hibs kien wieħed qawwi u huma setgħu jikkontrollaw l-aħħar minuti biex ħarġu rebbieħa 81-62.

Bupa Luxol: M. Sjoberg, N. Vasovic 14, JP Schembri 4, K. Dimech 9, W. Ahlberg 13, N. Sultana 2, K. Meyer 16, S. Cappello 4.

 

Hibernians: R. Vella 13, P. Attard, L. Farrugia 3, S. Attard 2, I. Bonett, K. Caruana 2, A. Axiaq 7, M. Matijevic 12, C. Patus 16, F. Mariani 2, A. Lizaur 24.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Tuomas Mantere

Starlites GIG 81

Gżira Atthleta 68

(24-17)(12-13)(32-13)(13-25)

Starlites kellhom wirja oħra posittiva biex kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva tagħhom u daħlu fit-tieni semi-finali fejn issa jerġħhu jiltaqaw kontra Bupa Luxol. Għall-Athleta ma kienx biżżejjed ir-ritorn ta’ Micheal Naudi u Kristin Baldacchino li tilfu l-ewwel partita hekk kif l-Amerikan Stephan Shepard kellhu wirja deludenti u żgur li s’issa ma laħaqx l-aspettatvi. Minn naha l-oħra, l-Amerikan ta’ Starlites Mitchell Brewe qiegħed iżid il-prestazzjonijiet tiegħu kull logħba megħjun tajjeb ferm mill-players lokali.  Athleta bdew tajjeb u fetħu bill-punti ta’ Naudi li kellhu wkoll trippla biex marru 11-4 minn fuq. Starlites bdew jirrispondu hekk kif kellhom it-three pointers ta’ Shawn Pace flimkien ma’ Brewe u Robert Bonnici u marru minn fuq 16-15. Basket ieħor ta’ Naudi ta l-aħħar vantaġġ lill-Athleta għax wara Starlites wieġbu bi break ta’ 8-0 b’żewġ three pointers minn Brewe u Ryan Carabott u temmew l-ewwel taqsima 24-17 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni, Starlites kabbru l-vantaġġ għalkemm Athleta kellhom trippla minn David Camilleri. Punti ta’ Brewe u Alec Felice Pace raw lil Starlites imorru 10 minn fuq għalkemm qabel l-intervall Athleta wieġbu b’basket ta’ Peter Shoults u freethrows ta’ Shepard biex il-vantaġġ ta’ Starlites niżel għal 6 punti 36-30.

Wara l-intervall, Athleta bdew b’basket ta’ Naudi però minn hemm ‘l quddiem donnhom sparixxew hekk kif Starlites kellhom run stupenda ta’ 28-0. Diffiċli wieħed jifhem dan il-black-out minn naħa tal-players ta’ Ray Muscat hekk kif Starlites fethu vantaġġ doppju 64-32. Brewe, Pace u Bonnici spikkaw f’din ir-run ta’ Starlites li però ħadmu wkoll fid-difiża biex ħallew lil Athleta mingħajr punti għal ħin twil. Kien biss lejn it-tmiem li Athleta għamlu reazzjoni u għaqqdu run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici però Starlites kienu għadhom 68-43 minn fuq. F-aħħar taqsima, Starlites komplew jikkontrollaw bil-punti ta’ Brewe u Felice Pace. Kien biss lejn it-tmiem li Athleta għamlu sforz u kellhom run tajba ta’ 17-4 fosthom trippla ta’ Shepard u punti ta’ Shoults u Naudi li però serviet biss biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Starlites ħarġu rebbieha  81-68.

Starlites GIG: S. Pace 13, M. Azzopardi, R. Bonnici 20, A. Schembri, S. Borg 2, M. Falzon, A. Felice Pace 10, R. Carabott 8, O. Psaila, N. Andrejevic, J. Wait, M. Brewe 28.

Gzira Athleta: M. Naudi 30, F. Mifsud Bonnici 3, D. Camilleri 3, K. Baldacchino, P. Shoutls 12, N. Xuereb, O. Said 2, L. Stefanovic, S. Shepard 18, S. Vincic, I. Mitrovic, S. Saakian.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Jason Cole





Leave a comment