Hibs jimpressjonaw fl-ewwel ħarġa tagħhom

Tuesday, October 28, 2014, 16:26

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Frank Salt Phoenix 70

Starlites 53
(14-18)(17-8)(18-15)(21-12)

Wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm id-debutt ta’Athleta b’team żagħżugħ, din il-ġimgħa kien imiss lil Starlites li wkoll ippreżentaw team b’diversi players żgħażagħ taħt it-tmexxija ta’ Alfred Mifsud. Phoenix minn naħa l-oħra wkoll irrepetew li għamlu l-ġimgħa li għaddiet sa’ ċertu punt għaliex kellhom jiġu minn taħt biex jerbħu l-partita. Fil-fatt Starlites kellhom l-aħjar bidu fejn kellhom it-trippla ta’ Alec Felice Pace u punti minn Thomas Grech u Miguel Falzon u marru 16-5 minn fuq. Phoenix bdew jirrispondu bil-punti ta’ Jonathan Ransley, Andres Toompere u trippla ta’ Luke Azzopardi però Starlites kienu għadhom erbgħa minn fuq 18-14. Phoenix komplew fit-tieni taqsima b’sitt punti oħra minn Ransley, Toompere u Antoine Costa. Felice Pace wieġeb bi trippla għal Starlites  u kellhu wkoll ħames punti oħra. Bejniethom Phoenix kellhom żewġ baskets oħra u għalqu bi trippla ta’ Costa u daħlu jistrieħu 31-26 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm aktar punti minn Ransley u Azzopardi però Starlites baqgħu viċin bi three pointer ta’ Felice Pace u Clive Schembri. Phoenix baqgħu fuq quddiem wara l-punti ta’ Ransley u Azzopardi u għalqu b’żewġ freethrows ta’ Christian Briffa għal skor ta’ 49-41. Fl-aħħar sessjoni Phoenix ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 9-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 17 –il punt 58-41. Starlites wieġbu b’basket ta’ Terence Gatt qabel ma Phoenix għamlu run oħra ta’ 9-3 u rebħu l-partita 70-53.

Frank Salt Phoenix: L. Azzopardi 12, G. Micallef, D. Pisani, R. Curmi, F. Nicastro 1, I. Stoickov, K. Vella, L. Bugelli, C. Briffa 11, A. Costa 12, J. Ransley 20, A. Toompere 14.

Starlites: A. Schembri 4, C. Laferla 2, D. Massa, C. Doublet 2, C. Schembri 6, M. Falzon 8, A. Felice Pace 22, J. Agius, A. Cutajar 1, T. Gatt 2, K. Camilleri, T. Grech 6.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile.

Mellieħa Mr. Green 62

Hibs 75
(20-20)(14-24)(12-22)(16-9)

Hibs, ir-runners up tal-istaġun li għadda, kienu l-aħħar team li għamel id-debutt tiegħhu f’din il-kompetizzjoni u għamlu dan bil-kbir hekk kif huma għelbu l-isfida ta’ Mellieħa Mr. Green 75-62. Hibs kellhom lill-Ispanjol Carlos Taexido li fis-sajf rebaħ ir-Red Bull one on one challenge jiddebutta magħhom flimkien ma’ David Camilleri wara snin twal fl-ewwel diviżjoni u Stefan Vella. Mellieħa bdew tajjeb bi trippli ta’ Rihards Polis u oħra ta’ Robert Loporto biex fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti 13-9. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Simon Attard u Camilleri bi trippla u għamlu run ta’ 11-4 iżda Mellieħa ppareġjaw bit-tielet trippla ta’ Polis u s-sessjoni ntemmet 20-20. Fit-tieni sessjoni Hibs marru minn fuq bil-baskets ta’ Luke Farrugia u Taexido u trippla oħra ta’ Camilleri. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Joshua Aquilina u ħuh Samuel flimkien ma’ Polis bi three pointer biex reġgħu marru minn fuq 32-30. Hawn Hibs kellhom mument mill-aqwa bi break ta’ 14-2 bil-punti ta’ Attard u Taexido fejn kellhom ukoll trippla kull wieħed u fl-intervall kienu 10 minn fuq 44-34.

Mellieħa tħabtu biex inaqqsu d-distakk fit-tielet taqsimau wara li sofrew it-trippla ta’ Stefan Vella, huma kellhom ħames punti mingħajr risposta. Hawn Hibs reġgħu għaqqdu break tajjeb ta’ 14-4 bi trippli minn Attard u Vella u kabbru l-vantaġġ għal 20 punt li żammewh sat-tmiem is-sessjoni 66-46. Fl-aħħar taqsima Hibs naqqsu r-ritmu u Mellieħa approfittaw bi break ta’ 11-2 u naqqsu xi ftit id-distakk mill-avversarji. Polis għamel il-ħames trippla tiegħu però huma kienu għadhom maqtugħin mill-avversarji biex Hibs rebħu l-partita 75-62.

 

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 2, M. Farrugia 2, J. Muscat 2, R. Polis 15, S. Aquilina 3, R. Loporto 13, O. Sammut, J. Aquilina 8, E. Lupo 14, P. Cauchi, B. Soler 4, P. Magro.

Hibs: M. Formosa, C. Taexido 19, D. Camilleri 19, L. Farrugia 4, S. Attard 20, G. Agius, S. Vella 8, C. Bugeja, K. Sultana, M. Houmpton, K. Vella, A. Baldacchino.

Referees: Clive Terribile, Emanuel Mangani.





Leave a comment