Hibs jeghlbu lil Luxol biex jaslu sal-finali

Monday, November 6, 2017, 17:51

St. James Hospital Shield Nisa

minn Colin Schembri

Hibernians 49

Caffè Moak Luxol 34

(10-10)(11-9)(13-10)(15-5)

Hibernians saru l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Shield meta għelbu lic-champions Caffè Moak Luxol 49-34.  Hibs kellhom id-debutt ta’ Samantha Brincat u Martha Gatt għalkemm din tal-aħħar ma ħaditx sehem fil-partita fil-waqt li rritornat ukoll Silvia Gambino pero kienu nieqsa Kaya Calleja u Julia Scerri. Luxol kellhom lil Ina Baena Medina spettatriċi fuq il-bank. Il-partita fetħet bil-Hibs jieħdu l-ewwel vantaġġ ta’ 6-2 bil-baskets ta Elena Cassar, Brincat u l-Amerikana Rachel Kehoe. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Sarah Pace, Martina Darmanin u Christina Curmi biex dawwru l-iskor favurhom però basket ieħor ta’ Kehoe ra lil Hibs jippareġjaw fi tmiem is-sessjoni 10-10. Fit-tieni perjodu l-logħob kompla jkun maqsum bl-ebda team ma jirnexxielhu jaħrab fuq quddiem Kehoe ħalliet lil Hibs fuq quddiem qabel ma Luxol kellhom ir-risposta tal-Amerikana Ashanti Plummer. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Brincat u basket ta’ Ema Micallef biex daħlu jistrieħu 21-19 minn fuq.

Wara l-intervall, il-Pawlisti ħasdu lill-avversarji tagħhom bi break ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Brincat flimkien ma’ Cassar. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet primarjament minn Curmi flimkien ma’ Plummer u Pace bil-Hibs jagħlqu b’basket ta’ Kirsty Caruana biex baqgħu fuq quddiem 34-29.  Hibs reġa’ kellhom bidu qawwi fl-aħħar taqsima bi break ta’ 9-2 b’punti minn Gambino, Iona Agius u Kehoe biex fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 43-30. Luxol kellhom biss risposta b’erba’ punti ta’ Pace iżda Hibs għalqu l-partita b’żewġ three pointers konsekuttivi ta’ Micallef biex ħarġu rebbieħa 49-34 u ħadu l-ewwel post fil-finali.

Hibs: E. Micallef 8, E. Cassar 4, S. Gambino 2, S. Brincat 14, M. Gatt, J. Abela, N. Vella, K. Caruana 2, N. Farrugia, R. Kehoe 17, I. Agius 2.

Luxol: S. Pace 10, C. Borg Millo, N. Vella, A. Plummer 10, K. Portelli, P. Ellul 3, C. Sollami, M. Darmanin 2, C. Curmi 9.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Igor Marjanovic

Depiro 44

Gżira Athleta 60

(11-19)(9-10)(12-13)(12-18)

Gżira Athleta eleminaw lil Depiro wara rebħa 60-44 biex issa jiltaqgħu kontra Luxol fit-tieni semifinali f’dik li se tkun it-tielet dehra bejniethom. Depiro kellhom nieqsa lil Claire Ciantar u ma setgħux jużaw lill-Amerikana l-ġdida tagħhom Alexis Lloyd minħabba nuqqas ta’ international clearance. Athleta rkupraw lil Beverlee Zammit u Marie Pollacco li kienu tilfu l-aħħar logħba tagħhom. Amelia Simmons reġgħat kienet protagonista għall-Athleta  speċjalment fl-offensive rebounds minn fejn għamlet ħafna mit-33 punt lil għamlet. Depiro jidher li għadhom xi ftit konfużi u żgur li l-waqfa mill-logħob se tiswijhom ta’ ġid qabel ma jiftaħ il-kampjonat. Depiro għamlu l-ewwel seba’ punti tal-partita bi trippla ta’ Nicole Agius u punti ta’ Maria Bonett u Steffi De Martino. Athleta wieġbu permezz ta’ Leanne Duncan u Sharon Vella qabel ma Depiro kellhom il-punti ta’ Agius li tawhom l-aħħar vantaġġ 11-6. Athleta hawn għamlu run ta’ 13-0 kważi kollha minn Simmons u temmew it-taqsima 19-11 minn fuq. Huma komplew iżidu l-vantaġġ fit-tieni sessjoni meta fetħu bi trippla ta’ Zammit  flimkien ma’ Antoinette Borg. Depiro naqqsu xi ftit id-distakk permezz ta’ Bonnett u De Martino biex fl-intervall, Athleta kienu 9 minn fuq 29-20.

Fit-tielet sessjoni l-logħob kien aktar maqsum biż-żewġ timijiet ikollhom il-mumenti taghhom. Bdiet Simmons li kellha seba’ punti konsekuttivi u l-vantaġġ tal-Athleta kiber għal 14 –il punt, 22-36. Depiro rrispondew bil-punti ta’ De Martino u l-freethrows konsekuttivi ta’ Bonett għal skor ta’ 42-32. Fl-aħħar taqsima kien hem bidu qawwi minn Athleta permezz ta’ Duncan u Simmons biex kabbru l-vantaġġ għal 18 –il punt 50-32 . Depiro mbagħad irrispondew permezz ta’ Bonett izda d-distakk kien kbir u Athleta setgħu jikkontrollaw u jagħlqu l-partita bil-punti ta’ Stephanie Pisani u Simmons biex ħarġu rebbieħa 60-44.

Depiro: A. Mifsud, T. Mifsud, L. Vella, C. Camilleri 3, M. Bonnett 17, S. De Martino 9, N. Agius 14, N. Agius, M. Micallef, J. Xuereb, T. Maceij 1, J. Mallia

 

Gzira Athleta: M. Pollacco, B. Zammit 3, N. Hili, S. Pisani 2, L. Duncan 12, A. Simmons 33, D. Said Hollier 2, A. Borg, J. Schembri, S. Vella 3, E. Pace, C. Mifsud

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic, Miklos Rajzki





Leave a comment