- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Hibs jaħsdu lill-Athleta u jikkwalifikaw

Posted By sportinmalta1 On December 9, 2015 @ 5:00 pm In Basketball,Featured | No Comments

TAZZA LOUIS BORG – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 41

Hibernians 76

(7-16)(16-27)(8-16)(10-17)

Aggregate: 113-118

Hibs wettqu waħda mill-akbar sorpiżi f’dawn l-aħħar snin u l-akbar rimonta fl-istorja tat-tazza Louis Borg meta dawwru żvantaġġ ta’ 30 punt f’rebħa ta’ 35 punt biex b’mod sorprendenti kkwalifikaw għas-semi-finali. Għall-Athleta dan kien diżappunti enormi u żgur li ħadd ma kien jaħseb li se jkunu eleminati speċjalment wara r-rebħa tal-ewwel leg. Huma kellhom lura lil Michael Naudi għalkemm kien għadu ġej minn barra però Roderick Vella kien nieqes. Hibs kienu mingħajr Stefan Vella li weġġa fl-ewwel partita. Wara erba’ punti fuq kull naħa, Hibs bdew jagħfsu lill-avversarji meta kellhom run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Kieron Caruana. Wara basket ta’ Billy Zammit, Hibs żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Ryan Carabott u temmew l-ewwel sessjoni 16-7 minn fuq. Hibs komplew iżidu fil-logħob tagħhom u tefgħu lil Athleta taħt pressjoni kbira wara 4 three pointers minn Paul Attard u Carabott u minkejja baskets ta’ Adrian Micallef għall-Athleta, Hibs kienu 32-13 minn fuq. Daan Wiersum wieġeb għall-Athleta però Hibs kellhom il-punti kontinwi ta’ Marco Matijevic fosthom trippla u rnexxielhom jidħlu jistrieħu minn fuq 43-23.

Wara l-intervall, trippla ta’ Zammit indikat tentattiv ta’ rimonta minn Athleta però Hibs ma tfixklux u kellhom il-punti ta’ Luke Farrugia u trippla ta’ Caruana. Id-dħul ta’ Naudi ftit għen il-kawża tal-Athleta hekk kif Hibs komplew bil-punti tagħhom minn Fabrizio Mariani u Caruana li kien f’ġurnata ta’ grazzja u kiseb trippla oħra għal skor ta’ 59-31. Issa Hibs bdew jemmnu f’dak li sa’ ftit siegħat qabel deher impossibli u huma reġgħu għamlu run oħra ta’ 9-0 fil-ftuħ tar-raba’ taqsima li bdewha bir-raba’ trippla ta’ Caruana flimkien ma’ Matijevic u marru minn fuq bl-aggregate. Hawn Athleta ppruvaw jirkupraw u reġgħu ħadu l-vantaġġ permezz tal-punti ta’ Naudi, Micallef u Nicolai Lubrano. Time-out ta’ Hibs għenhom jerġgħu jorganizzaw ruħhom u kienu huma li għamlu l-aħħar punti minn Caruana, Carabott u Farrugia biex rebħu l-partita 76-41 fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

Gżira Athleta: M. Naudi 5, F. Mifsud Bonnici, D. Wiersum 16, L. Stefanovic, I. Buldakov 2, B. Zammit 6, A. Micallef 6, N. Lubrano 6, S. Vincic, J. Wait, M. G. Montaldo.

Hibs: P. Attard 6, M. Houmpton, G. Agius, L. Farrugia 7, S. Attard, I. Bonett 2, K. Caruana 24, R. Carabott 14, K. Sultana, R. Cortis, F. Mariani 6, M. Matijevic 17.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Stephen Micallef.

Bupa Luxol 66

Pavi Depiro 59

(17-17)(19-7)(15-22)(15-13)

Aggregate: 132-135

Bupa Luxol ma rnexxielhomx jikkwalifikaw għas-semifinali minkejja li rebħu l-partita 66-59. Colt Fason spikka b’36 punt fil-waqt li Michael Nwelue kellhu partita aktar kwieta mill-ewwel leg. Depiro kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta bdew bil-baskets ta’ Nwelue u Andrew Aquilina biex marru 8-2 minn fuq. Luxol irkupraw u naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Fason u wara kellhom il-punti minn Marco Mercieca biex marru minn fuq. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Nwelue u Kurt Xuereb għal skor ta’ 17-17. Fit-tieni perjodu, Luxol fetħu b’erba’ basklets konsekuttivi ta’ Fason. Depiro waqqfuhom bil-punti ta’ Xuereb però Luxol komplew b’seba’ punti oħra minn Fason u CJ Cordina u ħadu l-vantaġġ bl-aggregate. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Nwelue u Xuereb però kien Fason li għamel l-aħħar żewġ baskets tas-sessjoni għal skor ta’ 36-24.

Wara l-intervall Depiro fetħu tajjeb u għamlu seba’ punti konsekuttivi bi trippla ta’ Timothy Zammit u baskets minn Nwelue u Nicholas Grech. Luxol ma ċedewx u kellhom huma run ta’ 8-0 u komplew b’żewġ trippli ta’ Fason u Mercieca. Depiro ġew lura bi three pointers ta’ Nwelue u Zammit biex is-sessjoni għalqet bil-Luxol minn fuq 51-46. Fl-aħħar taqsima, l-eċitament żdied hekk kif Luxol għal darb’oħra ħadu l-vantaġġ bl-aggregate hekk kif Fason kompla għaddej bil-punti tiegħu. Però l-logħob tagħhom kien wisq ibażżat fuqhu u meta Depiro naqqsu d-distakk għal 8 punti, Luxol kellhom iċ-ċans minn JP Schembri però t-tentattiv ta’ trippla tiegħhu ma daħalx biex Depiro ħadu nifs qawwi hekk kif minkejja r-rebħa ta’ Luxol, kienu huma li għaddew b’aggregate ta’ 3 punti.

Bupa Luxol: CJ Cordina 13, C. Fason 36, J. Willoughby, S. Visser, J.P. Schembri 4, K. Dimech, T. Paris, M. Mercieca 13, S. Cappello.

Pavi Depiro: J. Attard, J. Camilleri, D. Schembri 3, A. Aquilina 8, N. Grech 2, T. Zammit 11,  M. Mallia 2, K. Xuereb 11, M. Borg, M. Nwelue 22.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Magani

Mellieħa Mr. Green 59

Floriana Cafè Del Mar 90

(17-28)(13-15)(13-23)(16-24)

Aggregate: 110-163

Floriana Cafè Del Mar saru r-raba’ team li waslu sas-semi finali tat-tazza Louis Borg meta kif mistenni kisbu t-tieni rebħa kontra Mellieħa Mr. Green. Mellieħa kienu mingħajr Ian Terribile però rkupraw lil Matthew Cauchi u Bernard Soler. Wara żewġ baskets ta’ Steve Sammut għal Mellieħa, Floriana wieġbu b’disa’ punti minn Sean Borg, Nikola Vasovic u Anton Axiaq. Sammut reġa’ rrisponda għal Mellieħa fejn kellhu trippla però l-punti ta’ Floriana baqgħu ġejjin minn Chad Patus u Borg biex temmew l-ewwel sessjoni 28-17 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-partita kienet aktar bilanċjata bi Floriana jibdew b’punti ta’ Andrew Micallef Trigona u trippla ta’ Nigel Sultana. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Emanuel Lupo u Ben Aquilina biex Floriana daħlu jistrieħu 13 minn fuq 43-30.

Fit-tielet sessjoni Mellieħa żammew il-pass mal-avversarji fl-ewwel ħinijiet meta kellhom trippla minn Sammut u baskets ta’ Aquilina. Hawn Floriana kellhom run ta’ 14-0 b’diversi punti ta’ Lee Ross u Vasovic għal skor ta’ 66-43. Fl-aħħar perjodu Mellieħa kellhom run ta’ 8-0 b’aktar punti minn Lupo flimkien ma’ Aquilina u Michel Farrugia. Ir-risposta ta’ Floriana waslet bi break ta’ 11-0 bil-punti ta’ Micallef Trigona u komplew bi trippla ta’ Ross. Wara l-aħħar punti ta’ Mellieħa minn Lupo u Farrugia, Floriana għalqu l-partita bil-punti ta’ Borg u Micallef Trigona biex rebħu l-partita 90-59.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 2, M. Farrugia 6, S. Sammut 22, N. Muscat, R. Loporto 1, B. Aquilina 10, D. Miani, E. Lupo 18, B. Soler, P. Magro.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 13, K. Xuereb, L. Ross 15, N. Sultana 5, S. Borg 16, N. Vasovic 16, C. Calleja, A. Axiaq 10, A. Micallef Trigona 9, N. Andrejevic 6.

Referees: Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro, Christine Farrugia.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/hibs-jahsdu-lill-athleta-u-jikkwalifikaw/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.