Hibs b’vantaġġ ta’ basket wara l-ewwel logħba

Monday, December 5, 2016, 20:59

Tazza Louis Borg – Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 57

Hibs 59

(7-15)(18-15)(14-11)(18-18)

Il-ġimgħa li għaddiet dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu f’partita tal-kampjonat u dak in-nhar kellhom ikunu żewġ sessjonijiet ta’ ħin barrani biex jagħtu r-rebħa lil Gżira Athleta. Għal darb’oħra ż-żewġ timijiet offrew partita kubattuta bl-Athleta jirkupraw minn bidu diffiċli però kienu Hibs li ħarġu rebbieħa b’basket tal-Amerikana Trudy Armstead fl-aħħar sekondi biex issa jibdew it-tieni leg basket minn fuq. Milica Stefanovic kienet nieqsa għall-Athleta għalkemm huma rkupraw lil Elena Pace. Hibs fetħu tajjeb hek kif kellhom run ta’ 11-bi trippla ta’ Elena Cassar. Athleta kellhom diversi żbalji kemm fis-shooting kif ukoll f’passes ħżiena u wettqu diversi turnovers biex Hibs temmew l-ewwel taqsima 15-7 fuq quddiem. Fit-tieni perjodu, il-punti minn Amelia Simmons u Denise Said Hollier naqqsu d-distakk għal Athleta madankollu Armstead wieġbet għal darb’oħra għal Hibs. Athleta irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ għall-ewwel darba wara break qasir ta’ 5-0 iżda Hibs malajr reġgħu wieġbu b’run ta’ 11-5 biex fetħu vantaġġ ta’ 5 punti fl-intervall 30-25.

Fit-tielet taqsima, Julia Scerri żammet lil Hibs fuq quddiem minkejja l-baskets ta’ Simmons għall Athleta. Għal darbtejn, Athleta rnexxielhom inaqqsu l-iżvantaġġ għal żewġ punti u u finalment irnexxielhom imorru quddiem fl-aħħar perjodu wara trippla ta’ Leanne Sciberras. Hibs ġew lura bi break ta’ 8-2 bi trippla ta’ Naomi Farrugia iżda Athleta wieġnu b’run ta’ 9-0 bi trippli minn Sciberras u Christina Grima. Hibs baqgħu viċin u trippla ta’ Silvia Gambino tathom il-vantaġġ. Kien tmiem interessanti hekk kif Sciberras reġgħat poġġiet lill-Athleta fuq quddiem iżda punti fl-aħħar sekondi minn Armstead taw il-vantaġġ lil Hibs għat-tieni partita fuq skor finali ta’ 59-57.

Gżira Athleta: C. Grima 10, M. Pollaco, S. Pisani, L. Sciberras 11, A. Simmons 26, D. Said Hollier 2, A. Borg 2, J. Schembri, S. Vella 6, E. Pace, C. Mifsud.

Hibs: E. Cassar 6, S. Gambino 9, I. Agius 4, K. Caruana, M. Said 3, N. Vella, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia 3, T. Armstead 18, J. Scerri 16.

Referees: Christine Farrugia, Igor Marjanovic.





Leave a comment