Hibernians u Starlites GIG jibdew bir-rebħ

Monday, November 12, 2018, 18:09

St. James Hospital Shield Nisa

minn Colin Schembri

Il-format tal-kampjonat għal dan l-istaġun se jkun differenti hekk kif se jkunu l-ewwel tlett timijiet li se jikkwalifikaw għall-fażi finali. It-team li se jispiċċa fl-ewwel post se jikkwalifika mal-ewwel għall-finali fil-waqt li t-teams li jispiċċaw fit-tieni u t-tielet post se jilgħabu play-off bejniethom biex jagħddu. It-team tar-raba’ post ikun eleminat.

Hibernians 72

Depiro 54

(25-14)(21-8)(12-6)(14-26)

Ic-champions Hibernians fetħu d-difiża tat-titlu b’rebħa fuq Depiro 72-54, rebħa li mmaturat primarjament fl-ewwel żewġ sessjonijiet ta’ logħob bil-players Amelia Simmons u Sam Brincat jagħmlu ħafna ħsara lid-difiża ta’ Depiro. Depiro nkludew lil Gaby Mifsud u lil Danielle Agius u rkupraw lil Steffi De Martino però kienet nieqsa Nicole Agius. Il-partita kellha bidu bilanċjat bi three pointers fuq kull naħa minn Brincat għal Hibs u De Martino u Mifsud għal Depiro li rawhom jieħdu vantaġġ ta’ punt 11-10. Hawn Brincat wieġbet għal Hibs b’żewġ trippli konsekuttivi flimkien ma’ żewġ baskets ta’ Simmons f’run ta’ 10-0 hekk kif il-punti kollha ta’ Hibs f’din is-sessjoni waslu mill-istess żewġ players. Deiro kellhom biss tlett punti oħra ta’ De Martino u Claire Ciantar biex Hibs temmew is-sessjoni b’ħames punti ta’ Simmons għal skor ta’ 25-14. Fit-tieni perjodu kienet Ema Micallef li fetħet bi trippla għac-champions flimkien m’oħra ta’ Brincat u l-punti ta’ Simmons u Hannah Al Tumi. Depiro ftit setgħu jirrisondu u Hibs komplew iżidu l-vantaġġ bil-baskets ta’ Sophie Abela u l-ħames trippla ta’ Brincat biex daħlu jistieħu 46-22 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat għalkemm kienu l-Pawlisti li bdew l-aħjar bi break ta’ 7-0 kollhu minn Simmons wara basket inizzjali ta’ De Martino. Depiro kellhom żewġ baskets oħra però Hibs fetħu vantaġġ ta’ 30 punt fi tmiem it-taqsima 58-28. Fl-aħħar perjodu l-logħob kien aktar maqsum hekk kif kien hemm diversi bidliet miż-żewġ coaches. Depiro approfittaw biex għalqu l-partita b’run ta’ 13-2 bi trippli minn Martina Scicluna u Gaby Mifsud biex għamlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Hibs ħarġu rebbieħa 72-54.

Hibs: E. Micallef 3, E. Cassar 2, K. Calleja 3, S. Brincat 21, I. Agius, J. Abela, S. Abela 4, A. Simmons 28, E. Pace, H. Al Tumi 5, K. Caruana 2, L. Duncan 2.

 

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 12, L. Camilleri, C. Camilleri, D. Agius 2, S. De Martino 16, D. Said Hollier 3, M. Scicluna 3, A. Gray 13, E. Cassar, C. Ciantar 5, N. Hili.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Xuereb, Brian Sly

Starlites GIG 67

 

Caffè Moak Luxol 54

(14-14)(18-20)(17-7)(18-13)

Starlites GIG ukoll fetħu l-kampjonat b’rebħa fuq Caffè Moak Luxol 67-54

Ritratt: Wally Galea

biex kisbu t-tielet rebħa fuq l-avversarji dan l-istaġun. Huma kellhom nieqsa lil Christina Curmi u postha ħadithu Mikela Riolo lura minn injury. Luxol kellhom id-debutt tal-Amerikana Alexis Dillard li kienet protagonista fl-ewwel żewġ sessjonijiet speċjalment bl-ammont kbir ta’ fouls li ġibdet fuqha. Luxol fetħu l-partita bi trippla ta’ Monique Caruana bi Starlites jirrispondu permezz ta’ Samantha Farrugia u Patricia Arguello li kellha trippla qabel ma kellha kellha tinbider wara li kkomettiet it-tielet foul. Luxol marru fuq quddiem bil-punti ta’ Dillard iżda żewġ baskets ta’ Stephanie Davies raw lil Starlites jippareġjaw fuq skor ta’ 14-14. Fit-tieni perjodu, Starlites kellhom run ta’ 13-3 fosthom trippli minn Kirsty Galea u Maria Bonett u marru 10 minn fuq. Luxol irkupraw u kellhom l-aħjar mument tagħhom fil-partita meta għamlu break ta’ 13-0 fosthom aktar punti ta’ Dillard flimkien ma’ Sarah Pace u Ina Baena u qabżu fuq quddiem. It-taqsima għalqet bi trippla fuq kull naħa biex Luxol daħlu jistrieħu 34-32 minn fuq.

Wara l-intervall Starlites fetħu bi break ta’ 10-2 bi trippli minn Arguello u Josephine Grima. Luxol irrispondew bi trippla ta’ Caruana qabel ma reġgħu kienu Starlites li żiedu l-vantaġġ bil-punti ta’ Michela Zammit Cordina u trippla oħra minn Arguello għal skor ta’ 49-41. Fl-aħħar perjodu, Starlites komplew bi break ieħor ta’ 11-2 bil-punti ta’ Riolo, Bonett u Arguello. Luxol ppruvaw jirkupraw u kellhom tlett three pointers minn Ina Baena però l-ħin kien kontrijhom u Starlites ħarġu rebbieħa 67-54.

Starlites: M. Zammit Cordina 2, K. Galea 9, A. Micallef, S. Farrugia 4, M. Bonett 13, H. Acreman, M. Riolo 4. J. Grima 15, P. Arguello 16, M. Cutajar, S. Davies 4, A. Lupo.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 1, M. Caruana 10, N. Vella 2, I. Baena 14, No. Vella, K. Portelli, A. Borg 3, A. Dillard 26, L. Caruana Montaldo, M. Pollacco, C, Mifsud.

Referees: Ivica Simic, Malek Hraisha, Charles Pollet





Leave a comment