Hibernians u Bupa Luxol jibdew bir-rebħ

Monday, October 23, 2017, 21:12

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 69

Cynergi Depiro 68

(16-18)(24-7)(17-21)(12-22)

Hibernians ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun għalhemm Cynergi Depiro kienu ferm qrib li jwettqu rimonta stupenda meta dawwru żvantaġġ ta’ 22 punt. Hibs kellhom nieqes lil Stefan Vella mill-formazzjoni li kellhom fil-finali tas-Super Cup ġimgħa ilhu. Depiro kienu qiegħdin jagħmlu d-debutt staġjonali tagħhom taħt it-tmexxija tal-coach Marko Zloh. Depiro kellom prattikament il-formazzjoni tal-istaġun li għadda migħajr Robert Bonnici li mar lura ma’ Starlites u kkonfermaw l-Amerikan b’passaport Taljan Dominic Scafidi. Il-partita kellha bidu bilanċjat bil-Hibs jiftħu b’run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Roderick Vella. Depiro wieġbu bil-punti ta’ David Bugeja u Kurt Xuereb li wkoll kellhom three pointer kull wieħed biex fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 18-13. Qabel intemmet it-taqsima, trippla oħra ta’ Vella rat lil Hibs jersqu sa’ basket ‘l bogħod 16-18. Fit-tieni sessjoni Hibs ħasdu lill-avversarji b’difiża perfetta tant li ħallewhom mingħajr punt għal aktar minn tmien minuti. Fl-istess waqt, il-Pawlisti għaddew minn run stupenda ta’ 24-0 fejn spikka l-Ispanjol Alvaro Lizaur flimkien ma’ Luke Farrugia u Simon Attard. Vella u Marco Matijevic ukoll kellhom il-kontribut tagħhom f’din ir-run li rat lil Hibs jiftħu vantaġġ qawwi ta’ 22 punt 40-18. Kien biss fl-aħħar minuta li Depiro sabu l-basket minn Scafidi, Alvaro Querios u trippla ta’ Andrew Aquilina biex Hibs daħlu jistrieħu 40-25 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Hibs dehru li se jkomplu jikkontrollaw il-partita hekk kif it-three pointers ta’ Vella u Farrugia ħallewhom 15 minn fuq 47-31 lejn nofs il-perjodu. Depiro però bil-mod bdew inaqqsu d-distakk u bdew bil-punti konsekuttivi ta’ Xuereb. Huma komplew bi break iehor ta’ 10-2 b’żewġ three pointers ta’ Bugeja biex waslu sa’ 9 punti ‘l bogħod mill-avversarji 46-57. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin biex Hibs baqgħu 10 fuq quddiem 62-52. Hawn wasal mument ieħor tajjeb minn Depiro li kellhom run ta’ 11-2 b’żewġ trippli ta’ Scafidi. Il-vantaġġ ta’ Hibs issa kien ta’ punt wieħed 64-63. Fabrizio Mariani għamel żewġ freethrows però Xuereb ippareġja bi trippla 66-66. Basket ta’ Matijevic ta l-vantaġġ lil Hibs li żieduh bi free-throw ta’ Lizaur. Il-ballun finali ta’ Depiro kien ghand Aquilina però l-pass fit-tul sabu eżatt taħt il-basket hekk kif Depiro kellhom bzonn three pointer biex Hibs ħadu nifs qawwi u bdew l-impenji fis-shield b’rebha 69-68.

Hibernians: R. Vella 16, P. Attard, K. Caruana, L. Farrugia 13, S. Attard 4, I. Bonett, A. Axiaq 3, M. Matijevic 9, C. Patus 6, F. Mariani 6, A. Lizaur 12.

Cynergi Depiro: E. Briffa, D. Bugeja 25, M. Agius, A. Aquilina 8, N. Grech, A. Attard, M. Mallia 2, A. Quiros 6, K. Xuereb 16, M. Borg, D. Scafidi 11.

Referees: Emanuel Mangani, Ivica Simic,  Zvezdan Dobrosaviljevic.

Starlites GIG 62

Bupa Luxol 81

(17-26)(25-14)(10-19)(10-22)

Fit-tieni partita c-champions Bupa Luxol iltaqghu kontra Starlites.

Ritratt: Wally Galea

Luxol kellhom nieqsa lil CJ Cordina, Marco Mercieca u Dirk Schembri mill-iskwadra li rebħet is-Super Cup. Starlites kellhom tibdil sostanzjali mill-istaġun li għadda. Il-coach issa huwa s-Serb Nedeljko Ninkovic fil-waqt li rreġistraw magħhom lil Shawn Pace, Sean Borg u Nikola Andrejevic kollha ex-Floriana u rritorna Robert Bonnici. Huma għandhom ukoll lill-Amerikan Mitchell Brewe li kellhu debutt sodisfaċenti minkejja li sab għadma iebsa f’Kyle Meyer il-konazzjonali tiegħu fit-team tal-Luxol. Meyer ikkonferma l-qawwa tiegħu mhux biss fl-attakk meta spiċċa b’36 punt iżda wkoll fid-difiża b’hafna rebounds. Starlites għamlu l-ewwel żewġ baskets tal-partita minn Pace u Bonnici bil-Luxol jirrispondu bil-punti ta’ Meyer u William Ahlberg. Trippli ta’ Brewe u Bonnici poġġew lil Startlites 5 minn fuq 13-8 qabel ma Luxol wettqu reazzjoni tajba u għamlu run ta’ 12-0 li bdewha bi trippla ta’ Keith DImechu komplew b’sensiela ta’ punti minn Ahlberg biex għalqu l-ewwel perjodu 26-17 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Starlites ġew lura hekk kif fethu bi break ta’ 10-0 fosthom trippla ta’ Pace biex marru punt minn fuq 27-26. Luxol wieġbu permezz ta’ Meyer u Nicola Vasovic qabel ma Starlites għamlu run oħra ta’ 11-2 bill-punti ta’ Brewe, Andrejevic u Julian Wait biex marru sitta minn fuq 38-32. Sal-intervall Luxol irnexxielhom jerġgħu inaqqsu d-distakk permezz ta’ Meyer għal skor ta’ 42-40.

Fit-tielet taqsima kienu c-champions li kellhom l-aħjar bidu fejn bdew bi trippla ta’ Meyer f’run ta’ 9-2 biex marru fuq quddiem. Starlies għall darb’ohra kellhom jiġru wara l-avversarji u għalkemm għal darbtejn wieġbu għal punti ta’ Luxol, run ta’ 6-2 rat lill-vjola jtemmu t-taqsima 59-52 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Luxol għamlu run oħra ta’ 11-2 bi three pointer ta’ Ahlberg. Starlites tilfu lil Brewe bil-ħames foul u Luxol għalqu l-partita bi three pointers ta’ Jean Paul Schembri u Dimech biex harġu rebbieħa 81-62.

Starlites GIG: S. Pace 9, M. Azzopardi, R. Bonnici 8, A. Schembri, S. Borg 2, M. Falzon, A. Felice Pace 6, R. Carabott 9, O. Psaila, N. Andrejevic 3, J. Wait 2, M. Brewe 23.

Bupa Luxol: M. Sojberg, N. Vasovic 4, J. Maistre Mellilo, JP Schembri 3, K. Dimech 21, W. Ahlberg 17, K. Meyer 36, S. Capello.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Tuomas Mantere.





Leave a comment