Hibernians u Bupa Luxol fil-finali

Monday, December 18, 2017, 18:58

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 65

Hibernians 81

(13-16)(20-23)(17-18)(16-24)

Aggregate 143-153

Gżira Athleta bdew din il-partita b’vantaġġ ta’ sitt punti li bnew fl-ewwel leg però fit-tieni partita kienu Hibernians li ħarġu rebbieħa 81-65 biex b’hekk għaddew għall-finali fuq aggregate skor ta’ 153-143. Għal ħin twil ir-riżultat finali baqa nċert hekk kif Athleta żammew il-pass ma’ l-avversarji li minkejja li kienu minn fuq kważi tul il-partita kollha, l-aggregate beda jinbidel minn naħa għall-oħra. Iż-żewġ timijiet kellhom l-istess formazzjoni tal-ewwel partita bl-eċċezzjoni ta’ Kurt Sultana li kien nieqes għal Hibs. Is-shooters tal-Athleta kellhom partita kwieta hekk kif il-maġġoranza tal-punti tagħhom ġew minn ġewwa ż-żona għalkemm l-inklużjoni taż-żagħżugħ Nathan Xuereb biddlet xi ftit dan l-andament. Minn naħa tagħhom Hibs bħas-soltu ddominaw taħt il-boards u għal ħafna okkażjonijiet bdew jieħdu offensive rebound wara l-ieħor li ppermettilhom jagħmlu l-punti mat-tieni jew mat-tielet tentattiv. Wara bidu kwiet bl-Athleta jmorru 4-2 minn fuq, Hibs kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ three pointers minn Luke Farrugia u Roderick Vella. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Peter Shoults flimkien mal-punti ta’ Micheal Naudi u Jonathan Feiler però Hibs żammew vantaġġ ta’ 3 punti sa’ tmiem l-ewwel sessjoni 16-13 wara basket minn Simon Attard. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu Athleta reġgħu marru fuq quddiem bi trippla ta’ Ivan Mitrovic. Hibs kellhom risposta permezz ta’ Marco Matijevic kif ukoll bit-three pointers minn Attard u Vella biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 38-28 u erbgħa bl-aggregate. Athleta kellhom il-punti minn Naudi u żewġ three pointers ta’ Xuereb biex fl-intervall Hibs kienu sitta minn fuq 39-33.

Fit-tielet sessjoni, Athleta bdew b’basket ta’ Naudi però Hibs kellhom risposta bi break ta’ 11-2 hekk kif Chad Patus u Alvaro Lizaur bdew jidħlu aktar fil-partita. Athleta waqqfuhom għal darb’oħra permezz ta’ Xuereb però punti ta’ Matijevic u trippla ta’ Patus ħalliet lil Hibs b’vantaġġ tajjeb ta’ 13 –il punt 55-42. Athleta rkupraw bil-punti tal-Amerikan Feiler biex temmew il-perjodu 7 minn taħt 57-50 bil-Hibs punt minn fuq bl-aggregate. Fl-aħħar sessjoni l-partita sbieħet u għal darbtejn l-Athleta naqqsu d-distakk biżżejjed biex jagħddu għall-finali hekk kif Feiler kompla jikseb il-punti. Hawn però waslet run deċisiva minn Hibs bi three pointers minn Patus, Lizaur u Vella biex fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 76-61. Athleta dehru rassenjati hekk kif fl-aħħar ħinijiet iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin biex Hibs ħadu r-rebħa 81-65.

Gżira Athleta: M. Naudi 14, B. Zammit, D. Camilleri, S. Saakian, P. Shoults 5, F. Mifsud Bonnici, O. Said 3, L. Stefanovic, N. Xuereb 9, S. Vincic, I. Mitrovic 5, J. Feiler 30.  

Hibernians: R. Vella 13, P. Attard, L. Farrugia 3, S. Attard 11, I. Bonnett, A. Axiaq 6, M. Matijevic 19, A. Lizaur 13, F. Mariani, C. Patus 16.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Ivica Simic

Starlites 79

Bupa Luxol 94

(25-30)(14-19)(21-25)(19-20)

Aggregate 143-180

Fit-tieni partita c-champions Bupa Luxol reġgħu ħarġu rebbieħa kontra Starlites GIG din id-darba 94-79 biex għaddew għall-finali b’aggregate score ta’ 180-143. B’hekk Luxol se jikkontesaw it-tielet finali tagħhom dan l-istaġun u mill-ġdid se tkun kontra Hibernians wara s-Super Cup li rebħu u s-Shield li marret Raħal Ġdid. Luxol ippreżentaw il-gear ġdid tagħhom fejn irritornaw għal kulur vjola li huma magħrufin għalih. Starlites kellhom nieqes lil Miguel Falzon li weħel sospensjoni qawwija wara t-tkeċċija li sofra fit-tieni diviżjoni. Iż-żewġ coaches użaw il-players kollha li kellhom hekk kif il-vantaġġ ta’ 22 punt tal-ewwel leg kien komdu biżżejjed għal Luxol. Luxol ħadu vantaġġ kmieni fil-logħba bil-punti ta’ Keith Dimech u William Ahlberg. Starlites kellhom risposta bit-three pointers minn Alec Felice Pace, Robert Bonnici u Mitchell Brewe flimkien ma’ Ryan Carabott biex ħadu vantaġġ ta’ 4 punti 19-15. Ic-champions ġew lura bil-punti ta’ JP Schembri u Dimech li kellhu wkoll three pointer għalkemm Brewe ukoll wieġeb bi trippla għal Starlites. Sa’ tmiem it-taqsima, Luxol reġgħu marru fuq quddiem u fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 30-25. Fit-tieni perjodu, Luxol kabbru d-distakk bi trippla tal-Amerikan Kyle Meyer iżda Starlites kellhom risposta permezz ta’ Felice Pace u Brewe għal skor ta’ 36-40. Luxol komplew b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Nicola Vasovic biex trippla ta’ Bonnici ghal Starlites għalqet is-sessjoni bil-Luxol 10 punti minn fuq 49-39.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin. Luxol fetħu bi trippla ta’ Micheal Sjoberg flimien mal-punti ta’ Vasovic. Starlites kellhom risposta minn Felice Pace flimkien ma’ Carabott u Brewe biex baqgħu viċin. Luxol però bdew iżidu l-vantaġġ hekk kif bdew jagħmlu runs qosra fejn diversi players bdew isibu t-triq għal basket b’faċilita u fetħu vantaġġ ta’ 14 –il punt fi tmiem il-perjodu 74-60. Fl-aħħar taqsima, Starlites tħabtu biex isalvaw il-partita hekk kif bdew bi trippla ta’ Bonnici u komplew bil-punti ta’ Brewe. Luxol kellhom il-punti minn Vasovic għalkemm Brewe kien kontinwu fil-punti tieghu u d-distakk niżel għal erba’ punti 79-83. Dawn però kienu l-aħħar punti ta’ Starlites għaliex Luxol għalqu l-partita b’run ta 11-0 fosthom trippla ta’ Schembri biex rebħu l-partita 94-79.

Starlites GIG: S. Pace, M. Azzopardi, R. Bonnici 15, A. Schembri 2, S. Borg, A. Felice Pace 16, R. Carabott 12, O. Psaila, N. Andrejevic, J. Wait, M. Brewe 34.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina 3, M. Sjoberg 3, N. Vasovic 27, JP Schembri 7, K. Dimech 12, W. Ahlberg 19, K. Meyer 11, A. Micallef Trigona 7, S. Cappello 5.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic





Leave a comment