- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Hibernians lura fl-ewwel post u ARMS Depiro fit-tielet post

Posted By sportinmalta1 On February 24, 2020 @ 8:23 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

 minn Colin Schembri

ARMS Depiro 87

Luxol 78

(12-22)(30-20)(18-16)(27-20)

Depiro ħadu t-tielet post tal-klassifika qabel ma jibda l-aħħar round tal-kampjonat meta għelbu lil Luxol 87-78. Luxol minkejja bidu tajjeb sofrew ir-rimonta ta’ Depiro bħas-soltu mmexxija mill-Amerikana Hannah Johnson li ġabret diversi rebounds u diversi fouls fuqha speċjalment taħt il-boards. Luxol kienu mingħajr Sharon Vella u Antoinette Borg li minkejja li kienu fuq il-bank ma ħadux sehem fil-partita fil-waqt li Depiro rkupraw lil Nicole Agius però kienu mingħajr Francesca Mifsud u Nicole Hili. Luxol fetħu tajjeb u  sensiela ta’ three pointers minn Sarah Pace, Beverlee Zammit u Monique Caruana poġġewhom 15-4 minn fuq. Depiro naqqsu d-distakk permezz ta’ Agius u Johnson però Luxol kellhom trippla oħra din id-darba minn Kay Portelli biex temmew l-ewwel sessjoni 22-12 minn fuq. Fil-ftuħ tatt-tieni perjodu ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex Luxol żammew il-vantaġġ. Wara li nbidlet Zane Nailande, Johnson bdiet issib aktar spazju taħt il-board u fil-fatt Depiro għamlu run ta’ 14-2 bl-Amerikana tagħmel ukoll trippla flimkien ma’ punti minn Claire Ciantar u Neve Borg biex dawru l-iskor 32-28. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ bi tlett baskets mingħajr risposta però Depiro ippareġjaw u trippla fuq kull naħa għalqet it-taqsima bi 42 punt kull team.

Wara l-intervall reġgħu kienu Luxol li fetħu tajjeb bi trippla ta’ Caruana u l-punti ta’ Cristina Sollami. Hawn Depiro għamlu run ta’ 9-2 biex ħadu vantaġġ ta’ basket u bil-punti ġejjin fuq iż-żewġ naħat id-distakk baqa’ l-istess sa’ tmiem is-sessjoni bid-Depiro fuq quddiem 60-58. Fl-aħħar sessjoni Depiro għamlu run deċisiva ta’14-3 b’żewġ trippli ta’ Agius biex fetħu vantaġġ ta’ 13 -il punt. Luxol ppruvaw jirkupraw u kellhom trippla minn Caruana flimkien ma’ Sarah Pace u Noelene Vella u rnexxielhom jaslu sa’ ħames punti ‘l bogħod. Huma ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Depiro għamlu l-aħħar free-throws biex ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 87-78.

ARMS Depiro: No. Agius, N.Borg 4, Ni. Agius 14, C. Camilleri, D. Said Hollier 6, M. Scicluna 3, C. Ciantar 13, J. Scerri 10, J. Borg 2, H. Johnson 35, N. Ebejer.

 

Luxol: S. Pace 21, B. Zammit 3, Ni. Vella 4, C. Sollami 12, No. Vella 7, S. Vella, K. Portelli 10, A. Borg, M. Caruana 13, Z. Neilande 8.

Referees: Bernard Vassallo, Vladimir Nikolic, Sejmir Tafilika

Hibernians 63

Starlites GIG 61

(13-15)(13-22)(19-10)(10-8)(8-6)

It-tielet konfront dirett bejn dawn iż-żewġ rivali mar favur Hibernians

Ritratt: Wally Galea

biex b’hekk il-Pawlisti reġgħu ħadu l-ewwel post tal-klassifika li jfisser post awtomatiku fil-finali tal-kampjonat. Il-konfront kien missielet tant li kellhu jmur għal ħin barrani u f’xi waqtiet nervuż b’deċiżjoniet diffiċli tal-uffiċjali. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Il-partita bdiet bit-team ta’ Raħal Ġdid fuq quddiem wara trippla minn Jasmine Abela flimkien mal-punti tal-Amerikana Amelia Simmons u Sam Brincat. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Patricia Arguello qabel ma’ Hibs kellhom risposta minn Simmons u Ashleigh Van Vliet. Hawn Starlites għamlu sitt punti mingħajr risposta minn Steffi De Martino, Anthea Micallef u Mikela Riolo biex temmew is-sessjoni 15-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu Starlites kellhom bidu mill-aqwa fejn għamlu run ta’ 13-2 bi trippli minn Arguello u Michela Zammit Cordina. Hawn waslet ir-risposta ta’ Hibs ukoll minn tlett three pointers konsekuttivi minn Iona Agius, Simmons u Abela biex naqqsu d-distakk għal basket 26-28. Sal-intervall però kienu biss Starlites li għamlu l-punti fosthom trippla oħra ta’ Zammit Cordina u daħlu jistrieħu 37-26 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Hibs bdew bi break ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Brincat u baskets ta’ Simmons u naqqsu d-distakk għal punt. Arguello għamlet l-ewwel punti ta’ Starlites bi trippla però Hibs ippareġjaw b’aktar punti ta’ Brincat. Iż-żewġ timijiet komplew iwieġbu lil xulxin għal skor ta’ 47-45 fi tmiem it-taqsima. L-aħħar perjodu kien ikkarateriżżat minn nuqqas ta’ punti fuq iż-żewġ naħat. Starlites marru 53-45 minn fuq u dehru resqin lejn ir-rebħa però Hibs għamlu żewġ trippli minn Brincat u Abela u basket ta’ Van Vliet tahom iċ-ċans tal-ħin barrani fuq skor ta’ 55-55. Għal darbtejn Starlites marru fuq quddiem però trippla oħra ta’ Abela, ir-raba’ waħda tal-partita, poġġiet lil Pawlisti fuq quddiem u din id-darba huma żammew il-vantaġġ sat-tmiem u ħadu r-rebħa 63-61 u l-ewwel post.

Hibernians: I. Agius 4, Y. Bonett, A. Van Vliet 8, S. Brincat 18, L. Duncan 2, J. Abela 12, C. Camilleri, B. Agius, N. Farrugia, A. Simmons 19, K. Caruana, M. Buhagiar.

 

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 15, M. Riolo 2, A. Micallef 2, S. Farrugia, M. Bonett 6, S. De Martino 12, C. Curmi 4, P. Arguello 18, M. Cutajar, S. Davies 2, A. Lupo.

Referees: Daniella Torok, Luke Camilleri, Ivica Simic

Klassifika Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Hiberians

9

8

1

17

626

509

Starlites GIG

9

7

2

16

654

511

ARMS Depiro

9

2

7

11

588

709

Luxol

9

1

8

10

528

667

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/hibernians-lura-fl-ewwel-post-u-arms-depiro-fit-tielet-post/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.