Hibernians jerbħu l-ewwel unur tagħhom għal dan l-istaġun

Monday, November 20, 2017, 8:27

St. James Hospital Shield Irġiel – FINALI

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 53

Hibernians 75

(18-17)(8-19)(11-13)(16-26)

Hibernians huma r-rebħa tas-St. James Hospital Shiled għal dan l-istaġun wara li fil-finali għelbu lic-champions Bupa Luxol 75-53. Hibs, taħt l-isema ta’ Enemalta Paola Stars, kienu rebħu l-ewwel erba’ edizzjonijiet ta’ dan il-kompetizzjoni lura fis-snin tmenin. Luxol żammew il-pass sa’ l-ewwel taqsima fejn saħansitra kienu punt minn fuq però mit-tieni perjodu ‘l quddiem, Hibs bdew jibnu vantaġġ li saħħew tul il-partita kollha u baqgħu sejrin biex rebħu l-ewwel unur maġġuri fil-logħob tal-irġiel minn meta rritornaw lura. Il-partita fetħet bi three pointers fuq iż-żewġ naħat. Beda Fabrizio Mariani għal Hibs bil-Luxol iwieġbu bi break ta’ 10-2 fejn kellhom it-three pointers ta’ Jean Paul Schembri u Keith Dimech u marru 12-7 minn fuq. Hibs kellhom il-punti ta’ Anton Axiaq u three pointers minn Chad Patus u Simon Attard però Luxol għalqu s-sessjoni b’żewġ freethrows ta’ Nikola Vasovic biex ħadu vantaġġ ta’ punt 18-17. Fit-tieni perjodu, Hibs fetħu b’sitt punti konsekuttivi minn Patus u Alvaro Lizaur. Għal darbtejn, Luxol naqqsu d-distakk għal basket però Hibs irrispondew b’run ta’ 12-2 bi trippli ta’ Lizaur u Patus biex fl-intervall fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 36-26.

Fit-tielet taqsima, Luxol fetħu b’basket ta’ Dirk Schembri li rritorna għal din il-partita. Ir-risposta tal-Pawlisti ġiet bi break ieħor ta’ 11-2 fejn kellhom it-trippli ta’ Simon Attard u Luke Farrugia flimkien ma’ Roderick Vella u Patus biex kabbru l-vantaġġ għal 17 –il punt. Qabel tmiem is-sessjoni, Luxol naqqsu d-distakk b’żewġ baskets ta’ Schembri biex Hibs ikkonkludew it-taqsima 12 minn fuq 49-37. Fl-aħħar perjodu, Hibs saħħew il-vantaġġ meta kellhom trippla ta’ Farrugia u tnejn ta’ Vella biex ħallew lil Luxol 17 –il punt ‘l bogħod 60-43. Luxol wieġbu bil-punti ta’ William Ahlberg li kellhu partita kwieta qabel ma Lizaur kellhu trippla oħra għal Hibs. Il-partita kompliet tkun kontrollata minn Hibernians li għalquha b’punti ta’ Patus, Vella u Axiaq u ħarġu rebbieħa 75-53. Fi tmiem il-partita, Maria Bugeja, CEO ta’ St. James Hospital ippreżentat it-trofew lil Marco Matijevic u Hibs iċċelebraw ir-rebħ tal-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun.

Bupa Luxol: CJ Cordina, D. Schembri 10, M. Sojberg, N. Vasovic 10, JP Schembri 5, K. Dimech 3, W. Ahlberg 12, A. Micallef Trigona, K. Meyer 13, S. Capello.

Hibernians: R. Vella 11, P. Attard, L. Farrugia 6, S. Attard 6, I. Bonett, K. Caruana, A. Axiaq 6, M. Matijevic 2, C. Patus 26, F. Mariani 3, A. Lizaur 17.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Tuomas Mantere





Leave a comment