Hibernians jerbħu l-ewwel Super Cup tagħhom

Monday, October 1, 2018, 17:26

St. James Hospital Super Cup Irġiel- FINALI

minn Colin Schembri

Hibernians 84

Bupa Luxol 68

(20-18)(20-17)(28-22)(16-11)

Hibernians niżżlu isimhom fuq il-lista tar-rebbieħa tas-Super Cup għall-ewwel darba wara li fil-finali għelbu lil Bupa Luxol 84-68. Hibs kellhom jagħddu mingħajr Luca Tardito fil-waqt li Marco Matijevic kien imweġġa u Ivan Demcesen irid jiġi reġistrat. Però għal dawn in-nuqqasijiet pattew Chad Cuschieri Patus, Alvaro Lizaur u Roderick Vella li bejniethom qasmu 61 punt flimkien mal-kontribut siewi ta’ Luke Farrugia u Anton Axiaq u l-players żgħażagħ Isaac Bonett u Paul Attard. Luxol, minn naħa l-oħra kellhom nieqes lil Nikola Vasovic u l-istess bħal Demcesen il-player minn Montengro Filip Sekulic qiegħed jistenna t-tieqa ta’ Ottubru biex ikun reġistrat. Huma kellhom għall-ewwel darba lil CJ Cordina u l-punteġġ tagħhom kien maqsum bejn erba’ players bis-Serb Vukassin Jandric jispiċċa b’total ta’ 29 punt. Stefan Cappello wkoll kellhu prestazzjoni tajba fejn ħa diversi rebounds kiseb 16 –il punt. Luxol kellhom bidu tajjeb meta marru 7-2 minn fuq wara trippla ta’ William Ahlberg. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Patus u Axiaq biex ħadu l-vantaġġ iżda għal darbtejn Luxol reġgħu qalbu l-iskor favurhom. Hibs marru fuq quddiem wara żewġ trippli ta’ Vella biex temmew l-ewwel taqsima minn fuq 20-18. Fil-bidu tat-tieni sessjoni trippla ta’ Jandric tat l-aħħar vantaġġ lil Luxol fil-partita. Hibs kellhom sensiela ta’ punti minn Lizaur flimkien ma’ run ta’ 9-2 bi trippla oħra ta’ Vella biex fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 37-26. Luxol għal darb’oħra kellhom risposta minn Jandric u Ahlberg biex naqqsu d-distakk għal 5 punti 40-35.

Wara l-intervall, Luxol reġgħu naqqsu d-distakk għal basket bi trippla minn Ahlberg.

Ritratt: Wally Galea

Ic-champions wieġbu wieġbu bi break ieħor ta’ 12-2 bejn Patus u Vella iżda Luxol ippersistew u kellhom tlett three pointers wara xulxin qabel ma Hibs għamlu 5 punti lejn tmiem it-taqsima għal skor ta’ 68-57. L-aħħar perjodu fetaħ bil-punti ta’ Farrugia għal Pawlisti fosthom żewġ three pointers biex reġgħu fetħu vantaġġ komdu ta’ 19 –il punt 76-57. L-aħħar sforzi ta’ Luxol waslu minn idejn Jandric però kienu għadhom il-bogħod mill-avversarji hekk kif Hibs għalqu l-partita bi trippla ta’ Paul Attard u rebħu l-partita 84-68. Il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil Marco Matijevic hekk kif il-Pawlisti ċċelebraw ir-rebħ tal-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun.

 

Hibs: R. Vella 16, P. Attard 5, L. Farrugia 10, K. Sultana, M. Formosa, I. Bonett, A. Axiaq 6, A. Lizaur 19, C. Cuschieri Patus 28.

Bupa Luxol: CJ Cordina 10, V. Jandric 29, L. Caruana Montaldo, J. Maistre, JP Schembri, W. Ahlberg 13, E. Bonello, S. Cappello 16.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment