Hibernians fil-finali; Semi-finali bejn Starlites u Gżira

Monday, October 28, 2019, 16:24

St. James Hospital MBA Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 68

Hibernians 75

(16-13)(17-16)(11-24)(24-22)

Fl-ewwel semifinali tas-St. James Hospital Shield kienu Hibernians li avvanzaw

Ritratt: Wally Galea

għall-finali meta għelbu lil Gżira Athleta 75-68 biex tawhom l-ewwel telfa. Athleta xorta għadhom jistgħu jagħmluha sal-finali peress li din kienet l-ewwel telfa fil-kompetizzjoni. Iż-żewġ timjiet kellhom l-istess formazzjoni tal-aħħar ħarġiet tagħhom hekk kif Athleta għadhom qiegħdin jirkupraw lil Peter Shoults. Huma kellhom l-aħjar bidu tal-partita meta bdew bit-three pointers minn Ian Thiesen u Luca Stefanovic li kien mal-ewwel ħamsa ta’ Sasha Dimitrijevic. Hibs bdew jirrispondu permezz tal-Amerikan Chandler Rowe flimkien ma’ William Ahlberg li poġġijhom fuq quddiem bi trippla 10-8. Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ wara basket ta’ Conell Crossland u trippla ta’ Nathan Xuereb u żammewh sa’ tmiem l-ewwel sessjoni 16-13. Fit-tieni taqsima l-logħob kompla jkun maqsum u trippla fuq kull naħa ħalliet lil Athleta fuq quddiem. Hibs kellhom il-punti ta’ Marco Matijevic u Ivan Demcesen biex marru minn fuq 25-21 però ma tantx damu għaliex baskets minn Matthew Gouder, Crossland u Xuereb raw lil Athleta jerġgħu jieħdu l-vantaġġ 33-29 hekk kif intemm it-tieni perjodu.

Wara l-intervall, il-Pawlisti kellhom aktar mil-logħob minkejja li Athleta rkupraw mil-ewwel ħasda li rathom imorru minn taħt 35-36. Żewġ baskets minn Gouder u Milos Novakovic tawhom l-aħħar vantaġġ għaliex hawn Hibs għamlu run ta’ 11-0 fejn Ahlberg għamel żewġ three pointers flimkien ma’ Rowe għal skor ta’ 47-39. Athleta kellhom trippla minn Gouder però kienu Hibs li temmew it-taqsima bl-aħjar mod meta għamlu sitt punti oħra għal skor ta’ 53-44. Fl-aħħar perjodu Athleta ppruvaw jirkupraw minn kmieni bil-punti ta’ Thiesen però trippla ta’ Paul Attard u l-punti ta’ Matijevic ħallew lil Hibs b’vantaġġ komdu. Lejn it-tmiem però Athleta reġgħu resqu viċin wara break qasir ta’ 9-1 li għalquh bi trippla ta’ Stefanovic. Xuereb wassalhom sa’ 3 punti ‘l bogħod iżda Hibs għalqu l-partita bil-free-throws ta’ Rowe u baskett ta’ Nikola Vasovic li biex jiċċelebra laqat b’mod goff lil Xuereb tant li dan tal-aħħar kellhu jħalli l-court bir-referees iħallu l-logħob għaddej. Hibs rebħu l-partita 75-68 u issa jistennew l-avversarji fil-finali.

Gżira Athleta: C. Crossland 15, S. Pace 2, E. Sciberras, L. Stefanovic 6, S. Galea, N. Xuereb 10, M. Gouder 12, M. Novakovic 5, I. Thiesen 18, E. Abela, R. Abela.

 

Hibernians: P. Attard 6, D. Bugeja 1, K. Caruana, L. Farrugia, W. Ahlberg 24, I. Bonnett, N. Vasovic 10, A. Axiaq 5, M. Matijevic 11, M. Attard, C. Rowe 14, I. Demcesen 4.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Tuomas Mantere

Starlites GIG 90

Depiro 81

(27-24)(29-19)(23-16)(11-22)

Iż-żewġ timjiet diġa ħadu telfa fil-partiti ta’ qabel u allura riedu rebħa bil-fors minn dan il-konfront biex javvanzaw għat-tieni semi-finali kontra Athleta u finalment kienu Starlites li żammew sod fl-aħħar ħinijiet u ħadu r-rebħa 90-81 biex issa Depiro huma eleminati. Depiro kellhom fl-iskwadra għall-ewwel darba lis-Serb Marco Todorovic, wiċċ familjari fil-basketball lokali hekk kif fis-snin li għaddew lagħab mal-Athleta, Starlites u l-istess Depiro. Kien l-istess Todorovic li fetaħ il-partita bl-ewwel ħames punti għalkemm minn hemm ‘l quddiem ġie mrażżan mid-difiża ta’ Starlites. L-ewwel punti ta’ Starlites ġew minn idejn Konor Kulas fejn dan l-Amerikan kellhu bla dubju l-aqwa partita tiegħhu f’Malta fejn spiċċa b’total ta’ 43 punt flimkien ma’ diversi rebounds u assists lil sħabhu. Depiro kellhom vantaġġ ta’ sitt punti sa’ nofs l-ewwel taqsima 11-5 però Starlites bdew ġejjin lura u minkejja trippla ta’ Omar Said, Kulas poġġa lil Starlites fuq quddiem għall-ewwel darba wara 8 punti konsekuttivi. Sa’ tmiem is-sessjoni Starlites kellhom żewġ trippli minn Robert Bonnici u Kulas għal skor ta’ 27-24. Fit-tieni perjodu Starlites komplew b’seba’ punti oħra minn Kulas u Bonnici qabel ma Depiro kellhom risposta mill-Amerikan Quin Cooper u Kurt Xuereb f’run ta’ 9-2 biex naqqsu d-distakk għal basket 35-33. Starlites reġgħu irkupraw għal darb’oħra permezz ta’ Kulas flimkien ma’ Jeremy Marseille u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti li saħħewh b’żewġ trippli lejn it-tmiem minn Alec Felice Pace u Bonnici biex daħlu jistrieħu 56-43 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex id-distakk baqa favur Starlites li komplew ikabbruh wara run ta’ 9-1 bil-punti ta’ Kulas, Bonnici u Ryan Carabott 77-52. Lejn tmiem il-perjodu kien hemm risposta minn Depiro permezz ta’ Adam Chomo, Xuereb u trippla ta’ Cooper biex fi tmiem is-sessjoni kien hemm 20 punt jifirdu liż-żewġ timijiet 79-59. Fl-aħħar taqsima Depiro reġgħu tejjbu l-logħba tagħhom forsi wkoll bi Starlites li serrħu rashom kmieni mir-riżultat. Todorovic reġa’ deher iktar u huma rnexielhom inaqqsu d-distakk bin-nofs wara li għamlu run ta’ 16-4. Minkejja dan, il-ħin kien kontra tagħhom u hekk kif Starlites għamlu żewġ baskets oħra, huma ħadu r-rebħa 90-81 biex issa jiltaqgħu kontra Gżira Athleta l-Ħadd li ġej fit-tieni semi-finali.

Starlites GIG: A. Felice Pace 5, M. Azzopardi, R. Bonnici 17, I. Felice Pace 4, M. Fabri, M. Falzon, M. Scerri, R. Carabott 2, I. Kumric 2, K. Kulas 43, J. Marseille 17.

 

Depiro: M. Todorovic 17, Q. Cooper 29, M. Naudi 10, D. Farrugia 4, O. Said 7, K. Xuereb 10, M. Borg, M. Brincat, J. Attard, A. Chomo 4, A. Attard.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dworniczak.





Leave a comment