Hibernians champions ta’ taħt is-sittax –il sena tat-tfajliet

Monday, May 6, 2019, 18:53

Kampjonat St. James Hospital U/16 – Nisa

minn Colin Schembri

Hibernians 54

Starlites 48

(18-6)(14-7)(11-17)(11-18)

Fil-finali tal-kampjonat St. James Hospital ta’ taħt is-sittax –il sena ta’ tfajliet kienu Hibernians li ħarġu rebbieħa kontra Starlites però mhux qabel ma sofrew rimonta kbira mill-istess Starlites fl-aħħar perjodu. Kienet partita t’emozzjonijiet għolja speċjalment lejn it-tmiem meta Starlites irkupraw żvantaġġ ta’ 15 –il punt bil-Hibs ikollhom tmiem mill-aqwa biex rebħu l-partita 54-48. Fis-semi-finali Hibs eleminaw lil Depiro fil-waqt lil Starlites kienu għelbu lil Luxol. Il-partita kellha bidu bilanċjat bit-team ta’ Hibs imur fuq quddiem 8-5 wara baskets minn Christabel Camilleri, Ylenia Bonett u Julia Dabic. Hibs komplew b’run ta’ 10-0 b’Camilleri u Bonett jiksbu aktar punti biex temmew l-ewwel taqsima 18-6 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti u Hibs żiedu l-vantaġġ permezz ta’ Bonett u Amelia Scerri. Starlites kellhom risposta permezz ta’ Kaya Mifsud u Catherine Cilia iżda fl-intervall Hibs kienu għadhom b’vantaġġ komdu ta’ 19 –il punt 32-13.

Fit-tielet taqsima Starlites bdew ir-rimonta tagħhom bi trippla ta’ Nicole Schembri flimkien ma’ Cilia, Mifsud u Mariah Fenech biex naqqsu d-distakk għal 12 –il punt 24-36. Wara time-out tal-coach Silvia Gambino Hibs irkupraw xi ftit bil-punti ta’ Camilleri u Marie Buhagiar biex temmew it-taqsima 43-30 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni żewġ baskets ta’ Bonett raw lil Hibs jerġgħu jieħdu vantaġġ ta’ 15 –il punt 47-32. Hawn però Starlites bdew rimonta stupenda b’run ta’ 16-0 hekk kif Hibs ma setgħux jagħmlu punti fil-waqt li Starlites kellhom baskets minn Fenech, Cilia u trippla ta’ Kaya Mifsud u marru punt minn fuq 48-47. Issa kienu Hibs li riedu jiġru wara r-riżultat u rnexxielhom jagħmlu dan b’seba punti mingħajr risposta minn Bonett, Buhagiar u Eliza Farrugia biex rebħu l-partita 54-48. Fi tmiem il-partita kienet il-Coach Nazzjonali tan-Nisa Anglela Adamoli li waslet f’pajjiżna għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li ppreżentat it-tazza lil Captain ta’ Hibs Marie Buhagiar.

Hibernians: Ylenia Bonett 22, Keira Fenech, Christabel Camilleri 9, Eliza Farrugia 2, Kelly Conti, Marie Buhagiar 11, Julia Gauci, Amelia Scerri 2, Shania Formosa, Christine Tabone, Julia Dabic 8, Jade Zarb.

 

Starlites: Andy Saliba, Katrina Mifsud, Mariah Fenech 11, Kaya Mifsud 13, Nicole Schembri 5, Catherine Cilia 12, Shania Buhagiar 1, Rebecca Micallef 4, Yanika Azzopardi, Mina Stojanovic 2.

Referees: Kamil Dworniczak, Ivica Simic, Nathan Xuereb





Leave a comment