Hibernians bit-tieni rebħa konsekuttiva
Monday, November 25, 2019, 18:51Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni
minn Colin Schembri
Gżira Athleta 66
Hibernians 70
(17-20)(12-20)(20-13)(17-17)
Hibs kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Gżira Atheta 70-66 biex ħallewhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-kampjonat. Atheta bdew tajjeb bi break ta’ 11-2 li għalquh bi trippla ta’ Nadir Serafini. Hibs kellhom risposta permezz ta’ Isaac Bonett u wara komplew biex għamlu run ta’ 16-2 fejn kellhom erba’ three pointers fosthom tnejn ta’ Kieron Caruana biex marru 20-17 minn fuq. Fit-tieni perjodu Hibs kabbru l-vantaġġ għal 10 punti però Atheta rrispondew bil-punti ta’ Naz Buhagiar u trippla ta’ Serafini. Sal-intervall Hibs għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta bi trippla ta’ Luke Farrugia u basket ta’ Bonett għal skor ta’ 40-29.
Fit-tielet taqsima Atheta kellhom l-aħjar bidu u waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod 42-45 fejn kellhom il-punti ta’ Eric Abela u Alex Novakovic. Trippla oħra ta’ Serafini rat lil Atheta jaslu sa’ basket ‘l bogħod però punti ta Paul Attard u Bonett temmew it-taqsima favur Hibs 53-49. Fl-aħħar sessjoni l-Hibs bdew b’aktar three pointers minn Caruana però Abela u Karolis Vitonis ħallew lill-Atheta viċin. Lejn it-tmiem d-distakk niżel għal tlett punti u Hibs kellhom l-aħħar pussess. Dak li deher li seta’ kien back-court ma ġiex imsaffar mill-uffiċjali u Hibs ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 70-66.
Athleta: N. Serafini 18, E. Abela 16
Hibs: K. Caruana 22, I. Bonett 18
Starlites GIG 70
Mellieħa Libertas 93
(10-19)(9-31)(23-21)(28-22)
Mellieħa Libertas komplew bis-sensiela ta’ rebħ meta għelbu lit-team żagħżugħ ta’ Starlites 93-70. Minkejja n-nuqqas ta’ diversi players Starlites ippruvaw joffru oppozizzjoni u żammew il-pass mal-avversarji speċjalment fl-ewwel ħinijiet però mit-tieni taqsima ‘l quddiem Mellieħa bdew jinqatgħu fuq quddiem. Il-partita kellha bidu bilanċjat u parita ta’ 10-10 wara l-ewwel ftit minuti. Mellieħa mbagħad għamlu run ta’ 9-0 li bdewha bi trippla ta’ Anthony Schembri u l-punti ta’ Nenad Stojanovski għal skor ta’ 19-10. Fit-tieni perjodu Starlites kellhom żewġ baskets oħra biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti. Hawn però Mellieħa ħadu l-partita f’idejhom tant li għamlu run ta’ 18-2 b’diversi punti ta’ Emanuel Lupo u Stojanovski. Ir-risposta ta’ Starlites ma waslitx u Mellieħa għalqu t-taqsima bi 11 -il punt ieħor fosthom trippla ta’ Stojanovski għal skor ta’ 50-19.
Wara l-intervall Mellieħa żiewu l-vantaġġ wara trippla ta’ Alex Perunicic u punti ta’ Clement Skrabec. Starlites finalment kellhom risposta permezz ta’ trippli minn Miguel Falzon u Quentin Bugeja flimkien ma’ Mirco Azzopardi u s-sessjoni ntemmet bil-Mellieħa fuq quddiem 71-42. Fl-aħħar taqsima ftit kien għad fadal storja u wara li Starlites naqqsu d-distakk 50-75, Mellieħa għamlu run oħra ta’ 12-2. Lejn it-tmiem Starlites għamlu l-iskor aktar rispettabli wara run ta’ 10-0 kważi kollha minn Falzon biex Mellieħa ħarġu rebbieħa 93-70.
Starlites: M. Falzon 29, M. Azzopardi 15
Mellieħa: N. Stojanovski 25, A. Schembri 19
