Hibernians bil-ħdax –il suċċess tagħhom

Monday, October 7, 2019, 18:17

St. James Hospital Super Cup Nisa – FINALI

minn Colin Schembri

Starlites GIG 50

Hibernians 56

(9-12)(14-17)(16-11)(11-16)

Hibernians rebħu it-tieni unur tal-istaġun wara s-suċċess fit-tazza Indipendenza meta għelbu lic-champions renjanti Starlites GIG 56-50 wara finali kumbattututa. Starlites kienu qiegħdin jagħmlu l-ewwel dehra tagħhom f’din il-kompetizzjoni li issa waslet fid-29 edizzjoni tagħha. Hibs rebħu dan l-unur għal 11 -il darba fosthom l-aħħar waħda tal-istaġun li għadda. Starlites kellhom lura lil Christina Curmi u d-debutt taż-żagħżugħa Catherine Cilia fil-waqt li għal Hibs kien hemm ir-ritorn ta’ Julia Scerri. Kienu Hibs li fetħu bl-ewwel three pointer tal-partita minn Leanne Duncan bi Starlites jirrispondu bil-punti ta’ Curmi u Michela Zammit Cordina. Hibs kabbru l-vantaġġ bi trippla oħra minn Kirsty Caruana flimkien ma’ basket ieħor ta’ Duncan qabel ma Starlites irrispondew bil-punti ta’ Patricia Arguello fosthom trippla biex l-ewwel sessjoni għalqet bil-Hibs fuq quddiem 12-9. Hibs kellhom bidu mill-aqwa tat-tieni perjodu fejn għamlu run ta’ 9-0 b’żewġ three pointers minn Naomi Farrugia. Kien hemm ukoll il-punti ta’ Ashleigh Van Vliet biex huma fetħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 21-9. Ir-risposta tac-champions ġiet bi break qasir ta’ 9-3 bil-punti ta’ Mikela Riolo, Curmi u Arguello fost l-oħrajn b’Sam Brincat tagħmel trippla għall-Hibs. Wara li l-Pawlisti reġgħu marru 10 minn fuq 29-19, Starlites għamlu l-aħħar erba’ punti biex fl-intervall Hibs kienu 29-23 fuq quddiem.

Fit-tielet sessjoni kienu l-players ta’ Silvia Gambino li reġgħu bdew tajjeb meta kellhom

Ritratt: Wally Galea

żewġ trippli oħra minn Brincat u Farrugia biex reġgħu fetħu distakk ta’ 10 punti 35-25. Hawn Starlites kellhom l-aħjar mument tagħhom fil-partita meta għamlu run ta’ 11-0 bil-punti ta’ Arguello li kellha trippla flimkien ma’ Zammit Cordina u Anthea Micallef biex għall-ewwel darba minn fuq 36-35. Dan il-vantaġġ gawdewh għal fit għax Hibs kellhom risposta mmedjata bi trippla ta’ Brincat u temmew it-taqsima 40-39 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni kienu Starlites li reġgħu marru fuq quddiem wara punti minn Arguello. Hibs wieġbu permezz ta’ Brincat li mexxiet it-team f’din is-sessjoni u marru minn fuq 46-43. It-team ta’ Starlites kellhom mument ieħor tajjeb u ħadu vantaġġ ta’ erba’ punti 50-46. Però din kienet l-aħħar darba li huma kienu minn fuq għax minn hemm ‘l quddiem kienu biss Hibs li għamlu l-punti kollha minn Brincat fl-aħħar tlett minuti tal-logħba biex huma rebħu l-partita 56-50. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-trofew lil captain tal-Hibernians Samantha Brincat li għolliet it-tieni trofew tal-istaġun fi spazju ta’ ġimagħtejn.

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 13, M. Riolo 4, A. Micallef 4, S. Farrugia, M. Bonett 1, F. Fabok, C. Curmi 4, C. Cilia 2, P. Arguello 21, M. Cutajar, S. Davies 1, A. Lupo.

 

Hibernians: I. Agius 1, J. Scerri, A. Van Vliet 6, S. Brincat 26, L. Duncan 7, J. Abela, B. Agius, Y. Bonett, N. Farrugia 11, C. Camilleri, K. Caruana 5, M. Buhagiar.

Referees: Gordon Barbara, Luke Camilleri, Malek Hraisha





Leave a comment