Hibernians Basketball jirbħu l-kategorija taħt l-14-il sena

Sunday, May 6, 2012, 9:56

minn Colin Schembri

 

Wara r-rebħ tal-Kampjonat Femminili Taħt is-16-il sena, issa kien imiss rebħ ta’ Kampjonat ieħor għall-Hibernians Basketball Nursery meta it-team tas-Subien Taħt l-14-il sena rebaħ il-Kampjonat ferm missielet u bilanċjat fejn anke biex jintrebaċ il-Kampjonat kien hemm bżonn ta’ decider bejn l-istess Hibs kontra Luxol. Il-logħba finali svolġiet ferm kumbattuta tant li kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ timijiet li fi tmiem il-logħba r-riżultat kien wieħed ta’ draw. Ingħata l-ewwel ħin barrani u l-logħba reġgħet spiċċat f’parita ta’ 50-50. Fit-tieni ħin supplementari, Hibs ħarġu rebbieħa 58-54. M’hemmx dubju li dan il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ timijiet juri l-impenn tal-clubs fit-taħriġ tal-players hekk zgħar u jawgura tajjeb għall-futur sabiex dawn it-tfal sa’ minn eta’ zgħira jduqu l-eċitament tal-logħba u jittrenjaw aktar. Din il-logħba ntlagħbet quddiem folla numeruza sew fil-Padiljun f’Ta’ Qali.

F’kumment li tawna l-Hibernians Basketball Nursery tħossha kburija li dan it-tim hu kollu magħmul minn players li kollha bdew fil-kategoriji ż-żgħar, ibda dik ta’ taħt it-8 snin jew dik taħt l-10 snin. Dan jimlina b’kuraġġ sabiex inkomplu naħdmu fil-ġejjieni ħalli nkomplu ntejbu u nitjiebu fil-logħba. S’issa rbaħna żewġ kategoriji f’dan il-livell: taħt is-16-il sena femminili u taħt l-14-il sena Subien. Snin ta’ preparazzjoni, siegħat ta’ taħriġ u hemm ħafna nies involuti li rridu ngħidu grazzi. Ibda mill-players tal-commitment, lill-ġenituri li jwassluhom u afdawhom f’idejna, sponsors u l-MBA li qed tagħmel taħriġ ukoll għat-tfal taħt l-14-il sena li jippromettu għax dawn huma l-basketball t’għada.

Prosit tmur lejn il-players kollha għax ħadmu tul dawn is-snin, lill-coach u eks-player għal snin twal tat-Tim Nazzjonali Silvio Cassar li bil-paċenzja kollha wassal lil dawn it-tfal ghas-suċċess meritat. Silvio kellu l-għajnuna ta’ Rueben Baldacchino. Prosit kbira tmur lejn il-Head Kowc Tony Cassar li ma jieqaf qatt jappoġġja lit-tim ħalli jasal dak li l-Hibernians Basketball Nursery ilha taħdem għalih f’dawn l-aħħar 7 snin mindu li sar Head Kowc.

.





Leave a comment