- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Hannah Pace fl-aqwa forma tagħha biex tikser ir-rekord Nazzjonali fuq id-distanza Ironman

Posted By Sportinmalta On August 20, 2018 @ 5:23 pm In Featured,Triathlon | No Comments

Iċ-Ċampion Nazzjonali tat-Triathlon Hannah Pace, għal darb’oħra għamlet unur lil Malta meta hija kienet l-iżgħar mara Maltija li kkompetit f’tellieqa Ironman (3.8km għawm, 180km bir-rota, ġirja ta’42km). Pace stabilixxiet Rekord Nazzjonali ġdid meta hi spiċċat it-tellieqa f’ħin ta’ għaxar siegħat u għoxrin minuta. Pace kisbet it-tielet post fuq il-podju fil-grupp tal-eta tagħha.  Dan ir-riżultat ġie miksub ftit ġimgħat biss wara is-suċċess tagħha fil-Kampjonati Ewropej tal-Triathlon f’Tartu, l-Estonja meta hi ħadet midalja tal-fidda fid-distanza Standard (1.5km għawm, 40km rota, 10km ġiri).

Pace ħadet sehem fit-tellieqa KMD Ironman ġewwa Kopenħagen nhar il-Ħadd li għadda u kkompetit mal-fuq minn 2,000 atleta oħra. Għalkemm Pace għandha snin ta’ esperjenza fit-triathlon, din hi l-ewwel darba li kkompetit fuq din id-distanza. Bir-riżultat tagħha nhar il-Ħadd avvanzat minn distanzi qosra għat-tlielaq fuq distanzi twal.

Il-korsa ta’ 226km hija magħmula minn rotta li fiha tlajja u nżul fuq bażi regolari kemm fuq ir-rotta tar-rota kif ukoll dik tal-maratona.   Fit-taqsima tal-għawm, li kienet tikkonsisti fuq distanza ta 3.8kilometri, Pace kisbet riżultat tajjeb ħafna meta kienet it-tieni mara li ħarġet mill-ilma fil-grupp tagħha.  Pace kellha battalja kontinwa fuq ir-rota, kif ukoll fil-maratona fejn hi kienet qiegħda kontinwament tiġġieled għat-tielet post.

“Il-ġimgħat ta’ qabel it-tellieqa kienu stressanti, u nammetti li kont nervuża ħafna.  Lanqas nista nemmen li ksibt dan ir-riżultat tant pożittiv. Ninsab kuntenta ħafna bil-għawma tiegħi, li nista ngħid li kienet waħda mill-aħjar tiegħi. Żammejt pass kontrollat fuq ir-rota, iżda il-maratona kienet iebsa ħafna. Kien hemm xi żbali li stajt nevita, iżda dawn huma nuqqas ta’ esperjenza fuq din id-distanza,” stqarret Pace wara t-tellieqa. “M’inix ċerta li nista’ ngħid li ħadt gost, iżda kienet tellieqa li dejjem xtaqt nagħmel.  Kien soddisfaċenti iżda li tara li dak kollu li ħdimt għalih jiġi fis-seħħ. Nirringrazzja lil dawk kollha li kienu t’appoġġ f’din is-sena ta’ preparamenti, li ma kinitx faċili. L-appoġġ tagħhom żgur ikkontribwixxa għall-dan is-suċċess”.

Pace hija appoġġjata minn Garmin Malta, Eurosport Malta, Starbene, Team Barry. Pace tirringrazzja wkoll lil-Kumitat Olimpiku Malti u l-Federazzjoni Triathlon ta’Malta tal-għajnuna.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/hannah-pace-fl-aqwa-forma-taghha-biex-tikser-ir-rekord-nazzjonali-fuq-id-distanza-ironman/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.