Handball: Riżultati tal-Ewwel Diviżjoni (Diċ 2015)

Saturday, January 9, 2016, 20:46

Gavin Muscat

Is-Sibt 19 ta’ Diċembru, fil-padiljun tal-Università, tkompla l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni. Fil-partita tal-ġimgħa mill-kampjonat it-tim ta’ La Salle Unique kompla jsaħħaħ postu fil-klassifika wara li għeleb lil-Swieqi Gasan Mamo Phoenix bir-riżultat ta’ 21-20.

Swieqi bdew fuq nota tajba meta f’nofs l-ewwel taqsima huma kienu jgawdu vantaġġ ta tliet gowls. La Salle għamlu reazzjoni billi bidlu id-difiża. Din il-bidla swiet ta’ ġid bit-tim La Salljan idawwar ir-riżultat favur tiegħu. L-ewwel taqsima spiċċat 12 – 9 favur La Salle.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Swieqi għamlu reazzjoni u wara għaxar minuti mit-tieni taqsima, ġabu l-iskor indaqs. Madanakollu xejn ma qata’ qalb il-La Salle li baqgħu jissieltu sal-aħħar. La Salle irnexxielhom jerġgħu jmorru fil-vantaġġ u jikkontrollaw il-logħba.

Il-plejer ta’ La Salle, Chris Magro, awtur ta’ 8 gowls, ġie vvotat bħala l-aħjar plejer tal-logħba. Iż-żewġ uffiċjali tal-logħba kienu Alan Grima u Noel Fsadni. B’din ir-rebħa iċ-champions renjanti La Salle baqgħu fit-tellieqa għar-rebħ tal- kampjonat.

It-tieni logħba rat lill-Luxol u Kavallieri RS2, b’tal- ewwel joħorġu rebbieħa u jiksbu t-3 punti. Luxol, li għadhom bla telfa dan l-istaġun, kellhom lil Zach Mizzi f’forma brillanti fejn skorja xejn anqas minn 7 gowls. Mill-bidu tal-logħba, Luxol marru fuq quddiem u bil-mod ilmod ikkontrollaw il-logħba u kabbru d- distakk fejn daħlu jistrieħu b’6 gowls vantaġġ.

Fil-bidu tat-tieni taqsima ż-żewġ timijiet taw botta u risposta lil xulxin. Minkejja dan, aktar ma’ beda jgħaddi l-ħin, Luxol aktar bdew isiru veloċi u letali fl- attakki tagħhom. Daniel Tanti kien l-aħjar plejer tal-logħba filwaqt li Chris McClean kien l-aħjar plejer għall-Kavallieri RS2.

Aloysians Von Taine kisbu 3 punti oħra meta għelbu lill-HMS Parthenope. HMS ħarġu b’saħħithom u fetħu l-iskor b’gowls ta’ Martin Berisha. Aloysians rrispondew tajjeb b’gowls ta’ Gabor Valazsi u Philip Mifsud. B’pass sostnut it-tim ta’ HMS, immexxi minn Bryan Pace, ikkontrollaw l-avversarji u daħlu għall-mistrieħ b’ gowl vantaġġ.

Kif kien mistenni ft-tieni taqsima, il-favoriti, Aloysians, għamlu reazzjoni u għal ħinijiet twal issuperaw b’tal-aħħar joħorġu rebbieħa b’32-23. Philip Mifsud ta’ Aloysians, ġie vvotat l-aħjar plejer tallogħba filwaqt li Andrew Tabone kien l-aħjar plejer għall-HMS.





Leave a comment