Handball iżid fil-popolarità ma’ KMS Skolasport

Wednesday, February 18, 2015, 21:29

L-isport ta’ handball hu ħafna drabi deskritt bħala waterpolo mingħajr ilma, hockey mingħajr l-istikek, jew futbol bl-użu tal-idejn. Ħaġa waħda hi ċerta: li handball mal-KMS Skolasport qed dejjem isir iktar popolari kull semestru. Grupp imħallat ta’ 20 tifel u tifla bl-età li tvarja bejn id-9 u 13-il sena jitħarġu d-dixxiplina ta’ handball kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Ian Tonna, għalliem kwalifikat fil-PE u kowċ tal-handball ma’ KMS Skolasport qal: “Handball inissel sens ta’ għaqda u dixxiplina fost il-parteċipanti. Għalkemm il-livell ta’ ħiliet ivarja hekk kif uħud mill-plejers għadhom jibdew filwaqt li oħrajn ilhom jipprattikaw għal sentejn jew tlieta, il-parteċipanti jitgħallmu jilgħabu u jistinkaw għal xulxin biex ikunu tim effettiv. L-eżerċizzju fiżiku hu parti kruċjali f’din id-dixxiplina u bħala kowċis nippruvaw ngħaddu l-messaġġ li lil hinn mis-sessjoni ta’ taħriġ il-parteċipanti għandhom jieklu ikel li hu tajjeb għas-saħħa. Wara sessjoni ta’ warm up, il-parteċipanti jipprattikaw il-ħiliet tagħhom u jagħlqu billi jagħmlu lobgħa.”

KMS Skolasport hu organizzat mill-Kunsill Malti għall-iSport u sponsorjat minn Kellogg’s, l-aqwa produttur taċ-ċereali fid-dinja. Minbarra l-Kumpless Sportiv ta’ Kottonera, KMS Skolasport toffri taħriġ f’għadd ta’ kumplessi sportivi u lokalitajiet fosthom il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, il-Kumpless Sportiv Tal-Qroqq, il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, il-Kulleġġ ta’ San Injazju f’Tal-Ħandaq, il-Kulleġġ Marija Reġina fil-Mosta, u l-Kulleġġ ta’ Santa Klara f’Pembroke biex tagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jipprattikaw l-isport favorit f’post qrib il-lokalità tagħhom.

Kellogg’s ilha tisponsorja l-programm tal-KMS Skolasport matul dawn l-aħħar 15-il sena, bħala turija ta’ impenn biex tippromwovi stil ta’ ħajja li hu tajjeb għas-saħħa permezz ta’ dieta bilanċjata u eżerċizzju fost il-komunità Maltija.

 

Għal iktar tagħrif dwar il-klassijiet ta’ handball jew dixxiplini oħra wieħed jista’ jikkuntattja lis-Sezzjoni tal-Programmi fl-uffiċċju ewlieni tal-Kunsill Malti għall-iSport fuq tel. 2203 6000, jew bl-imejl: programmes@sportmalta.org.mt, inkella jżur il-websajt: www.sportmalta.org.mt

 

Ritratt 1-2: Fl-aħħar tas-sessjoni, il-grupp jinqasam f’timijiet differenti u jilgħabu serje ta’ logħob biex itejbu l-ħiliet tagħhom





Leave a comment