Ħames midalji għall-Maltin fl-aħħar programm tal-Atletika tal-ECGS f’Salzburg

Wednesday, July 3, 2019, 7:33

L-atleti Maltin li ħadu sehem fil-European Company Sport Games f’Salzburg, l-Awstrija, rebħu xejn anqas minn ħames midalji fl-aħħar programm tal-Atletika.

L-aħjar li marret kienet Gianella Bugeja (Transport Malta) li rebħet midalja tal-fidda u oħra tal-bronż f’kategorija B (30-39 sena). Hija spiċċat it-tieni f’20 minuta u 22 sekonda punt 23 fit-tiġrija tal-5,000 metru, waqt li kisbet it-tielet post f’5 minuti u 28 sekonda punt 28 fl-1,500 metru.

Angele Sammut (Health Dept) kisbet midalja tal-bronż f’kategorija D tal-5,000 metru fejn kellha ħin ta’ 21 minuta u 8 sekondi punt 80.

Atleta oħra femminili li rnexxielha tikseb post fuq il-podju kienet Caroline Ciappara (Education Dept) li rebħet il-bronż f’kategorija Ċ ta’ l-1500 metru f’ħin ta’ 5 minuti 45 sekonda punt 87.

L-aħħar midalja tal-ġurnata ntrebħet minn Aaron Mifsud (APS Bank), li bħal Gianella Bugeja kien qed jirbah it-tieni midalja personali, meta dahal it-tieni biex rebah il-midalja tal-fidda fl-1,500 metru f’kategorija Ċ. Huwa kellu ħin ta’ 4 minuti u 45 sekonda punt 27.

Ta’ min isemmi wkoll li Peter Azzopardi (BOV) ingħata t-tielet post u midalja tal-bronż fit-tigrija tal-5,000 metru fil-kategorija D wara li sar protest minħabba li l-atleta li daħal fit-tielet post, il-Franċiż Housni Keballi, għamel dawra anqas.

L-organizzaturi reġgħu raw il-filmat tat-tiġrija u ġie stabbilit li fil-fatt Keballi ma kienx ġera t-tiġrija sħiħa, u għalhekk Azzopardi ġustament ġie mtella’ fit-tielet post u ngħata l-midalja tal-bronż.

B’hekk fl-Atletika, Malta rebħet 7 midalji – tnejn tal-fidda u ħamsa tal-bronż.

Fil-Beach Volley, it-tim tal-irġiel fil-kategorija 40+ spiċċaw fil-ħames post minn 27 tim, waqt li t-tim tan-nisa fil-kategorija Open kisbu s-7 post minn 17-il tim.

Fid-Darts l-uniku player Malti fl-azzjoni, Joseph Mallia (Enemalta), falla għal ftit li jikseb post ma’ l-aħħar 16 u kklassifika fis-17-il post.





Leave a comment