Ħames midalji, fosthom tnejn deheb, għall-MESA fl-ECSG Riccione 2015

Tuesday, June 16, 2015, 13:53

Il-Malta Employees Sports Association (MESA) rebħet ħames midalji – fosthom tnejn tad-deheb – fl-20 edizzjoni tal-European Company Sports Games li saru bejn it-3 u s-6 ta’ Ġunju f’Riccione, l-Italja. Aktar minn 8,000 atleta minn madwar 40 pajjiż Ewropew ħadu sehem f’24 sport differenti flimkien ma’ tliet events paralimpiċi. Il-Games ġew organizzati mhux biss f’Riccione imma anke fi bliet viċin, fosthom Rimini, Misano u San Marino.

 

Din kienet l-ewwel darba illi l-MESA kienet qed tieħu sehem f’dan il-logħob għall-ħaddiema azjendali u kellha kontinġent ta’ 43 persuna li pparteċipaw fil-Badminton, Bowling, Darts u Football.

 

Bla dubju l-akbar suċċess ġie rreġistrat fid-Darts fejn Malta rebħet il-midalja tad-deheb fit-tournament tas-singles ta’ l-irġiel permezz ta’ Albert Scerri, waqt li Gordon Stanmore rebaħ il-midalja tal-bronż meta spiċċa fit-tielet post. Fit-tieni post, bejn iż-żewġ players Maltin, spiċċa l-Ġermaniż Thomas Seel. B’kollox ħadu sehem 46 player f’dan it-tournament.

 

Malta rebħet ukoll il-midalja tad-deheb fit-team tournament tad-Darts meta t-team Malti, iffurmat minn Albert Scerri, Gordon Stanmore, Joseph Mangion, Paul Sammut u Noel Ebejer, spiċċa fl-ewwel post quddiem Schweighofer Fiber GmbH (Awstrija) u Kelag Karnter BSK (Ġermanja) li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament. Fit-tournament tat-timijiet ħadu sehem 11-il team.

 

Fil-Badminton, Malta ħadet sehem b’team ta’ seba’ players, jiġifieri Edmond Abela, Samuel Cali, Stephen Ferrante, Tiziana Mifsud, Fiorella Marie Sadowski, Stefan Salomone u Kenneth Vella. Dawn ħadu sehem f’Mix Open Tournament li attira xejn anqas minn 50 team u rnexxielhom jaslu sas-semi-finali fejn lagħbu kontra t-team Franċiż ASAH Bad u ġew draw 2-2, imma naqsu li jgħaddu għall-final minħabba li l-avversarji tagħhom rebħu aktar sets. B’hekk it-team Malti kellu jikkuntenta bit-tielet post u midalja tal-bronż.

 

Fil-Football, it-team Malti tal-5-a-side rebaħ il-midalja tal-fidda wara li wasal sal-final kontra t-team Taljan Vicenza Maja C5 u tilef bl-iskor ta’ 5-3. F’dan it-tournament ħadu sehem 29 team u t-team Malti kien iffurmat minn Julian Azzopardi, Sammy Frank Bajada, Julian Briffa, Andrew Cassar, Ryan Grech, Frederick Tabone, Joseph George Vella, Andrew Xuereb, Ian Zammit, Jeffrey Zammit u Max Zammit.

 

Fil-Football ukoll ħa sehem team ieħor Malti tas-7-a-side fil-kategorija tal-Masters (‘l fuq minn 40 sena). F’dan it-tournament ħadu sehem 20 team u t-team Malti tilef fil-kwarti-finali kontra Dsruljanik tal-Kroazja 7-6. Ta’ min isemmi li fl-istess grupp preliminari tat-team Malti kien hemm it-team Taljan Rovigo Calcio, li spiċċaw rebħu t-tournament imma ma kisbux aktar minn draw ta’ 3-3 fil-konfront kontra t-team Malti. L-iskwadra Maltija kienet iffurmata minn Pavlos Buhagiar, Alan Cauchi, George Edwards, Carmel Formosa, Oliver Mallia, Mark Marlow, Tonio Micallef, Kevin Mifsud, Jason Saliba, Mark Sultana, Stefan Sultana u Paul Zammit.

 

Malta ħadet sehem ukoll fil-Bowling permezz tat-team tal-Malta International Airport, iffurmat minn Charles Galea, Charles Farrugia, Steve Cassar, Aaron Belli, Alfred Pulis u Mario Ellul. B’kollox ħadu sehem 99 team fit-tournament tal-bowling, bit-team Malti jispiċċa fis-sitt post.





Leave a comment