Ħames membri oħra fil-Hall of Fame tal-KOM

Tuesday, December 7, 2010, 16:56

Hekk kif nhar is-Sibt li għadda l-Kumitat Olimpiku Malti organizza edizzjoni oħra tal-MOC Sports Award, fl-istess serata tħabbru wkoll il-ħames individwi li ddaħlu fil-Hallof Fame li bħala Kanċillier tagħha għandha lill-Onorevoli Robert Arrigo.

Hawn taħt il-profil tal-erba’ atleti:

MEMBRI FIL-HALL OF FAME 2010

JOANNA AGIUS twieldet fl-1952. Bla dubju l-aqwa arċiera mara f’pajjiżna.Kienet l-ewwel atleta mara li ħadet sehem f’Olimpijadi meta ddebuttat fl-1980 f’Moscow. Saret wkoll l-ewwel mara li tieħu sehem fi tlett Olimpijadi konsekuttivi b’parteċipazzjoni fl-1984 f’Los Angeles u fl-1988 f’Seoul. Ħadet sehem wkoll fil-Logħob tal-Mediterran fl-1979 fi Split. Ingħażlet bħala l-Isportiva tas-Sena fl-1979 u fl-1982 u spiċċat fit-tieni post fl-1987 fl-istess Għazliet. Fl-1987 rebħet il-medalja tad-deheb fil-Loghob tal-Istati Żgħar għall-isparar bil-qaws li saru f’Guernsey.

Peppi Grech

Peppi Grech

JOSEPH GRECH, jew aħjar PEPPI, twieled fl-1935. Filwaqt li għadu jsegwi mill-qrib dak li jsehh fix-xena tal-isparar f’pajjiżna, huwa kien iddebutta fil-Logħob tal-Mediterran li kienu saru f’Beirut fil-Lebanon fl-1959. Sena wara ħa sehem fl-Olimpijadi ta’ Ruma fejn kien ħa sehem fl-iskeet. Fl-1968 fil-Belt tal-Messiku kien l-uniku rappreżentant Malti fl-Olimpijadi. Kien ha sehem wkoll fl-iskeet fl-Olimpijadi ta’ Munich fl-1972 biex sar l-ewwel atleta Malti li ħa sehem fi tlett Olimpijadi.

TONY PELLEGRINI PETIT b’karriera ta’ madwar 50 sena fit-Table Tennis beda fl-Azzjoni Kattolika f’Tas-Sliema sa kemm ingħaqad ma’ Melita li magħhom rebaħ l-unuri kollha fix-xena tat-table tennis lokali. Fis-snin 50 kien promutur u wieħed mill-fundaturi tal-Malta Table Tennis Association u kien strumentali fis-sħubija tal-Assocjazzjoni mal-Federazzjoni Internazzjonali tat-table tennis fl-1957. Ħa sehem fil-Kampjonati tad-Dinja li kienu saru f’ Dortmund fl-1959 fi Praga fl-1963 fil-Kampjonat tal-Ewropa f’Londra fl-1966. Kien 6 darbiet rebbieh tal-Kampjonat Nazzjonali u għal zmien twil kien wkoll wieħed mill-coaches ewlenin tat-table tennis f’pajjizna.

Robbie Scerri

Robbie Scerri

Imwieled fl-1903 ROBBIE SCERRI, fi żmienu kien meqjus bħala l-aqwa tennis-player. Beda jilgħab fis-snin 20 fil-courts tal-Eastern Telegraph Company fejn illum hemm Paceville. Bħala player tal-football jingħad li kien hu li skorja l-ewwel goal meta fetah l-Empire Stadium fil-Gżira. Lagħab wkoll cricket, hockey, waterpolo u squash. Fit-tennis bejn l-1930 u l-1960 rebaħ bosta Kampjonati u tournaments. Ex-president tal-Lawn Tennis Association ta’ Malta kif wkoll sal-1971 kien responsabbli mill-attivitajiet fil-United Services Sports Club li wara sar maghruf bħala Marsa Sports Club. Kien għadu attiv sa Awissu 1987 meta fl-eta’ ta’ 84 sena miet tragikament f’incident tat-traffiku f’tas-Sliema.

Imwieled fl-1926, LAWRENCE XUEREB, kien il-ħames  President tal-Kumitat Olimpiku Malti. Kien f’din il-kariga fil-perjodu bejn 1973 u l-1977 fi żmien meta kien wkoll President ta’ Hibernians Football Club. Kien laħaq President tal-Hibs fl-1968 f’sena meta Hibs rebħu t-tielet Kampjonat fl-istorja tagħhom. Fil-presidenza tiegħu il-club rebaħ darbtjen l-FA Trophy fl-1969-70 u fl-1970-71, tlett darbiet is-Sons of Malta Cup kif wkoll unuri oħra fosthom Testaferrata Cup, Independence Cup u l-Olympic Cup. Madankollu jibqa’ mfakkar għar-riżultati li Hibs kellhom kontra Manchester United, Real Madrid u Arsenal fejn f’pajjiżna dejjem gew draw 0 – 0 kif wkoll id-draw ta’ 2 – 2 kontra Spartak Trnava. Għal żmien twil kien wkoll Viċi President tal-M.F.A





Leave a comment