Haley Bugeja (Mġarr United) rebħet il-BOV Plejer tax-Xahar tan-Nisa għal Frar 2019

Tuesday, April 9, 2019, 9:36

Haley Bugeja ta’ Mġarr United hija l-BOV Plejer tax-Xahar tan-Nisa għax-xahar ta’ Frar 2019.

L-adolexxenti sensazzjonali saret il-ħmar il-lejl ta’ kull difensur, u tinsab fil-quċċata tal-aqwa skorers kemm fil-Kampjonat BOV tan-Nisa kif ukoll fil-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena.

Hija ddebuttat fil-kampjonat tal-kbar matul l-istaġun tal-futbol tal-2017/2018 fl-età ta’ biss 14-il sena, u kkonfermat postha bħala l-aqwa skorer ta’ Mġarr, b’total ta’ 24 gowl fi 15-il partita sal-lum. Matul ix-xahar ta’ Frar, Haley skorjat 4 mill-5 gowls fir-rebħa ta’ Mġarr ta’ 5-1 fuq Raider (Luxol) u anke skorjat iż-żewġ gowls ta’ Mġarr fir-rebħa tagħhom ta’ 2-0 fuq Mosta.

Charles Azzopardi, Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar tan-Nisa lil Haley, li issa għandha f’idejha wkoll ir-rekord tal-iżgħar plejer li qatt rebħet dan l-unur.





Leave a comment