Ħafna gowls u punt kull wieħed bejn Ħamrun u t-tim tal-Università

Saturday, November 11, 2017, 14:19

Fil-konfront bejn Hamrun Tre Angeli u t-tim tal-Università, ġew skurjati xejn anqas minn seba’ gowls fuq kull naħa. Żewġ timiijet li qed ikomplu juru wirjiet pożittivi, anki f’dan l-istaġun.

Fl-ewwel taqsima l-Universitarji kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 6-3 fuq il-Ħamruniżi. Madanakollu fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi kienu kapaċi li jibbilanċjaw ir-riżultat finali għal 7-7.

Għall-Univeritarji sabu x-xibka Rodney Debono, darbtejn Mamadou Diaby, Leo Muscat, Shawn Deguara, Gary Inguanez u Jose Maria Aguillera Castellano. Il-gowls Ħamruniżi waslu mingħand Aleksander Tomin, erba’ darbiet Everton Da Silva Santos, Clive Calleja u Luke Stivala minn penalty.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Marsaskala irritornaw għar-rebħ meta għelbu għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 5-1. Mriehel ESS bla tbatija għelbu lit-tim Junior College bl-iskor ta’ 10-1. Valletta kisbu s-seba’ rebħa minn sebgħa meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 10-0. Luxol ukoll irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 11-0. Swieqi United kisbu tliet punti importanti meta għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 5-1.

Fil-klassifika tal-kampjonat Valletta jibqgħu waħedhom fil-quċċata bi 21 punt, segwiti mit-tim tal-Università b’16-il punt. Pietà Nordiska u Swieqi United għandhom 15-il punt. Hamrun Tre Angeli għandhom 14-il punt u Luxol għandhom tnax-il punt. Mriehel ESS għandhom disa’ punti, filwaqt li Tarxien JMI, Qormi u  Marsaskala għandhom sitt punti. Fil-qiegħ tal-klassifika, Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr l-ebda punt.

Intant il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:

It-Tnejn 13/11/17

Fit-8:00 pm Tarxien JMI vs L-Università ta’ Malta

Fid-9:15 pm Swieqi United vs Marsaskala

Il-Ħamis 16/11/17

Fit-8:00 pm Swieqi United U21 vs Junior College

Fid-9:15 pm Mriehel ESS vs Pietà Hotspurs

Il-Ġimgħa 17/11/17

Fit-8:00 pm Hamrun Tre Angeli vs Luxol

Fid-9:15 pm Valletta vs Qormi





Leave a comment