Gżira Athleta u Starlites jibdew il-play-offs bir-rebħ

Wednesday, April 5, 2017, 23:18

Kampjonat Mapfre MSV Life – Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 50

Depiro 41

(8-12)(16-8)(14-12)(12-9)

Gżira Athleta kisbu l-ewwel rebħa fis-semi-finali tal-play-offs kontra Depiro 50-41 b’run deċisiva fl-aħħar sessjoni. Depiro kellhom bidu nkorraġanti però sofrew ir-rimonta tal-Athleta minn idejn Christina Grima fit-tieni perjodu. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ b’seba’ punti mingħajr risposta minn Maria Bonett u Carlee Schumacher. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn trippla ta’ Denise Said Hollier u basket ta’ Sharon Vella. Depiro wieġbu wkoll bi trippla ta’ Sam Brincat u għalkemm Athleta kellhom il-punti ta’ Amelia Simmons u Vella, kienu Depiro li temmew is-sessjoni 12-8 minn fuq. Fit-tieni taqsima Depiro ma setgħux isibu tarf ta’ Grima li għamlet 14 –il punt mis-sittax tal-Athleta. Athleta rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 4 punti fil-mistrieħ 24-20.

Athleta kabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tielet perjodu bi trippla ta’ Beverlee Zammit u basket ieħor ta’ Vella. Depiro rrispondew bi break ta’ 9-3 b’punti minn Claire Ciantar u Brincat biex naqqsu d-distakk. Punti konsekuttivi ta’ Simmons fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti għall-Athleta però qabel intemmet is-sessjoni trippla ta’ Mifsud naqqset id-distakk għal sitt punti 32-38. Fl-aħħar perjodu Brincat fetħet b’żewġ baskets għal Depiro biex waslu basket biss ‘l bogħod. Hawn Athleta kellhom run deċisiva ta’ 8-0 li għalquha bi trippla ta’ Leanne Sciberras biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti. Minkejja li Depiro reġgħu naqqsu d-distakk b’basket ta’ Sciberras u trippla oħra ta’ Mifsud, ma kienx fadal ħin għalijhom u Athleta għalqu l-partita bil-free-throws fuq skor finali ta’ 50-41.

Gżira Athleta: M. Stefanovic, C. Grima 18, B. Zammit 3, S. Pisani, L. Sciberras 4, A. Simmons 15, D. Said Hollier 4, A. Borg, S. Vella 6.

Depiro: A. Mifsud 2, G. Mifsud 6, M. Balzaraviciute, S. Brincat 10, M. Bonett 9, N. Agius,  M. Scicluna, C. Schumacher 8, J. Xuereb, T. De Martino 2, C. Ciantar 4

Referees: Emanuel Mangani, Christine Farrugia, Miklos Rajzki.

Caffè Moak Luxol 64

Starlites 68

(11-13)(15-13)(18-15)(17-20)(3-7)

Il-basketball joffri emozzjonijiet uniċi u din il-partita kkonfermat dan kollhu hekk kif Starlites kisbu rebħa drammatika fil-ħin barrani kontra c-champions Caffè Moak Luxol fl-ewwel semi-finali. Kien għad fadal ftit aktar minn sekonda u Sarah Pace b’żewġ free-throws poġġiet lil Luxol 61-58 minn fuq. Il-ballun mill-end line ta’ Josephine Grima wasal għand Kristy Galea li minn kważi nofs il-court għamlet it-three pointer li sforza l-ħin barrani fost il-ferħ indeskrivibbli ta’ Starlites saħansitra b’invażjoni paċifika tal-court hekk kif ħasbu li rebħu l-partita. Intant il-partita bdiet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin bi three pointer fuq kull naħa. Starlites immexxija minn Patricia Arguello u Josephine Grrima marru erba’ punti minn fuq u għalkemm Luxol kellhom ir-risposta ta’ Steffi De Martino, Starlites baqgħu basket minn fuq 13-11. Starlites komplew fit-tieni sessjoni bi tlett baskets mingħajr risposta. Luxol, l-ewwel naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Paula Ellul u mbagħad komplew b’run ta’ 10-0 li bdewha bi trippla ta’ Sarah Pace. Starlites irnexxielhom jippareġjaw bi trippla ta’ Grima għal skor ta’ 26-26.

Wara l-intervall Starlites bdew b’run ta’ 9-0 però r-risposta tal-players ta’ Santino Coppa kienet immedjata bi break ta’ 12-2 b’iktar punti ta’ De Martino flimkien ma’ Attariha Munir u Christina Curmi. Luxol irnexxielhom jerġgħu jieħdu l-vantaġġ u temmew it-taqsima 44-41 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Starlites marru għal darb’oħra minn fuq bi trippla ta’ Arguello segwita minn oħra ta’ Galea biex il-vantaġġ kiber għal 5 punti 53-48. Hawn il-partita saret akkanita ferm u Luxol reġgħu marru fuq quddiem bi trippla ta’ Pace u baskets ta’ De Martino. Starlties ħadu l-vantaġġ wara trippla ta’ Grima però basket ta’ De Martino l-free-throws ta’ Pace poġġew lil Luxol 3 minn fuq 61-58. Hawn wasal it-three pointer stupend ta’ Galea biex il-partita marret għal ħin barrani 61-61. Hawn l-eroj ta’ Starlites kienet bla dubju Jean Doughty li għamlet is-seba’ punti tagħhom fosthom three pointer lejn it-tmiem li serrħilhom rashom biex ħadu r-rebħa 68-64.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 15, M. Mercieca 3, A. Munir 11, S. De Martino 28, K. Portelli, C. Sollami, P. Ellul 3, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin, C. Curmi 4.

Starlites: K. Galea 11, J. Doughty 9, S. Farrugia 4, D. Revol, K. Pirotta 2, J. Micallef, J. Grima 17, P. Arguello 17, E. Magrin, S. Davies 6, A. Lupo 2.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic, Miklos Rajzki.

 

Ritratt: Wally Galea





Leave a comment