Gżira Athleta u Starlites fil-finali

Friday, December 16, 2016, 9:12

Tazza Louis Borg – Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta kkwalifikaw wara semi-finali kumbattuta kontra Caffè Moak Luxol b’rebħa fl-ewwel partita. Starlites minn naħa l-oħra kisbu post f’finali storika hekk kif hija l-ewwel finali fl-istorja tagħhom kemm ilhom jilgħabu taħt l-isem ta’ Starlites.

Starlites 58

Depiro 48

(9-8)(14-14)(22-10)(13-14)

Mument mill-aqwa wara l-intervall kien strumentali għal Starlites biex jegħlbu lil Depiro 58-48 u jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 10 punti għat-tieni partita. Għal darb’oħra Starlites ikkonfermaw li se jkunu għadma iebsa għal kulħadd dan l-istaġun bil-koppja Josephine Grima u Patricia Arguello jispikkaw f’team żagħżugħ. Starlites marru fuq quddiem fl-ewwel ħinijiet bid-Depiro jwieġbu bil-punti ta’ Maria Bonett. Starlites ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Grima u temmew l-ewwel sessjoni punti minn fuq. It-tieni perjodu wkoll kien bilanċjat bid-Depiro jkollhom l-aħjar bidu b’żewġ trippli minn Maria Bonett u Sam Brincat. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet permezz ta’ Arguello, Grima u Jaelle Micallef qabel ma Gaby Mifsud bi trippla għalqet is-sessjoni fuq skor ta’ 23-22.

Wara l-intervall, Starlites ħasdu lil Depiro b’run qawwija ta’ 19-0 bil-punti ta’ Jean Doughty, Grima u Arguello li kellha wkoll trippla. Depiro dehru mfixkla u ma setgħux jinfdu d-difiża organizzata u agressiva ta’ Starlites. Kellhom ikunu żewġ free-throws ta’ Bonett li fetħulhom il-punteġġ tard fit-taqsima u minkejja li żiedu l-punti tagħhom bi tripla ta’ Nicole Agius, Starlites kienu għadhom fuq quddiem 45-32. Fl-aħħar taqsima Depiro fetħu bi trippla oħra ta’ Agius però Starlites irrispondew b’run oħra ta’ 9-0 bi trippla oħra minn Arguello. Starlites kellhom vantaġġ ta’ 16 –il punt però lejn it-tmiem sforz finali minn Depiro rahom jagħmlu run ta’ 7-0 minn Mifsud u Bonett biex naqqsu d-distakk għal 10 punti 58-48.

Starlites: J. Doughty 5, S. Farrugia 2, K. Pirotta, J. Micallef 2, J. Grima 18, P. Arguello 28, E. Magrin, S. Davies 1, A. Lupo 2.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 10, M. Balzaraviciute, S. Brincat 11, M. Bonett 12, C. Camilleri 2, N. Agius 8, M. Scicluna 3, H. Acreman, T. De Martino 2, C. Ciantar 2.

Referees: Erkan Ozpolat, Christine Farrugia

Caffè Moak Luxol 46

Gżira Athleta 57

(10-8)(16-16)(11-15)(9-18)

Gżira Athleta wkoll kisbu vantaġġ fi tmiem l-ewwel partita tas-semifinali tagħhom kontra c-champions u l-holders Caffè Moak Luxol. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ però punti konsekuttivi minn Amelia Simmons poġġew lil Athleta fu-q quddiem. Ir-risposta ta’ Luxol waslet minn ħames punti ta’ Lyndsey Lessard biex temmew is-sessjoni basket minn fuq 10-8. Fit-tieni taqsima, wara basket ta’ Sarah Pace għal Luxol, Simmons u Milica Stefanovic kisbu punti konsekuttivi b’din tal-aħħar ikollha trippla biex Athleta marru fuq quddiem 17-14. Luxol  reġgħu marru minn fuq bi trippla ta’ Paula Ellul u wara t-tkeċċija ta’ Stefanovic huma żammew il-vantaġġ bil-punti ta’ Steffi De Martino u Pace biex daħlu jistrieħu minn fuq 26-24.

Wara l-intervall, Luxol żammew il-vantaġġ però l-Athleta bit-three pointers ta’ Denise Said Hollier u Antoinette Borg ġabu l-iskor indaqs. Għal xi ħin, iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin u kien biss lejn it-tmiem li Athleta ħadu l-vantaġġ wara żewġ baskets minn Christina Grima u Simmons għal skor ta’ 39-37. Fil-bidu tal-aħħar taqsima, Athleta ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 16-2 b’diversi punti minn Grima u Simmons. Luxol finalment wieġbu bil-punti ta’ Christina Curmi u three pointers minn De Martino u Pace biex naqqsu d-distakk però Athleta rebħu l-partita 57-46.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 14, B. Zammit, M. Mercieca 2, I. Baena Medina, M. Darmanin, S. De Martino 9, K. Portelli, A. Calleja, P. Ellul 3, L. Lessard 14, C. Curmi 4.

Gżira Athleta: M. Stefanovic 7, C. Grima 13, M.Pollacco, L. Sciberras 1, A. Simmons 28, D. Said Hollier 3, A. Borg 5, J. Schembri, S. Vella, E. Pace/

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Depiro 49

Starlites 50

(14-12)(12-12)(8-15)(15-11)

Aggregate: Starlites 108 Depiro 97

Fit-tieni partita, Depiro tħabtu biex jirkupraw l-iżvantaġġ li kellhom fl-ewwel partita u fit-tielet sessjoni rnexxielhom jaslu sa’ punt ‘l bogħod però kif gralhom jumejn qabel, sofrew run ta’ 15-1 li poġġiet lil Starlites f’finali storika għalijhom. Depiro bdew tajjeb u bil-punti ta’ Maria Bonett u Sam Brincat ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 11-6. Starlties wieġbu bil-punti ta’ Josephine Grima u Patricia Arguello però trippla ta’ Brincat ħalliet lil Depiro fuq quddiem 14-12. Depiro komplew jagħfsu fit-tieni taqsima u bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Nicole Agius. Huma komplew jippressaw u Starlites bdew jaqbduhom bil-fast breaks u sa’ tmiem is-sessjoni reġgħu rkupraw l-iżvantaġġ wara trippla ta’ Arguello għalkemm basket ta’ Claudia Camilleri ħalla lil Depiro basket minn fuq fl-intervall 26-24.

It-tielet sessjoni kienet waħda deċisiva għall-kumplament tal-partita. Kienu Depiro li bdew b’sitt punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Brincat biex marru disa’ minn fuq 33-24. Hawn Starlites kellhom il-break deċisiv ta’ 15-1 bil-punti ta’ Grima, Stephanie Davies u trippla ta’ Arguello biex marru 5 minn fuq 39-34 u 15 bl-aggregate biex ir-rimonta għal Depiro kienet diffiċli ħafna. Fil-fatt fl-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u għalkemm Depiro rnexxielhom jippareġjaw wara t-tielet trippla ta’ Brincat, Starlites kienu għadhom komdi fuq quddiem bl-aggregate u rebħu t-tieni partita wkoll wara punti finali minn Davies u Arguello. Depiro għalqu bi trippla ta’ Gaby Mifsud li għalqet il-partita fuq skor ta’ 50-49 favur Starlites.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 5, M. Balzaravicuite, S. Brincat 18, M. Bonett 10, C. Camilleri 4, N. Agius 3, M. Scicluna, H. Acreman 1, T. De Martino 4, C. Ciantar 4.

Starlites: D. Revol, K. Galea, J. Doughty 3, S. Farrugia 7, K. Pirotta 3, J. Micallef 1, J. Grima 11, P. Arguello 13, E. Magrin, S. Davies 8, A. Lupo 4.

Referees: Gordon Barbara, Erkan Ozpolat.

Gżira Athleta 69

Caffè Moak Luxol 69

(14-15)(9-22)(23-13)(21-14)

Aggregate: Athleta 126 Depiro 115

Din il-partita ntemmet f’parita ta’ 69-69 xi ħaġa li tista sseħħ biss f’din il-kompetizzjoni bit-team ta’ Gżira Athleta jikkwalifikaw bl-aggregate wara li rebħu l-ewwel partita. Sal-intervall Luxol kien irnexxielhom idawwru l-iżvantaġġ u rnexxielhom iżommu dan il-vantaġġ anke fl-aħħar taqsima però l-Athleta rnexxielhom isalvaw il-partita hekk kif għalquha bi break ta’ 16-3. L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata u l-ebda team ma rnexxielhu jieħu xi vantaġġ sostanzjali. Luxol kienu 9-5 minn fuq fil-ftuħ tal-partita però Athleta wieġbu bil-punti ta’ Sharon Vella u Denise Said Hollier flimkien mal-Amerikana Amelia Simmons  għal skor ta’ 15-14 favur Luxol. Fit-tieni perjodu Luxol, kellhom il-punti ta’ Sarah Pace u Lindsey Lessard u fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 22-8. Luxol komplew bil-punti ta’ Christina Curmi u trippla ta’ Beverlee Zammit f’run ta’ 9-2 biex fl-intervall kienu 14 minn fuq 37-23 u b’vantaġġ ta’ 3 punti bl-aggregate.

Wara l-intervall, Athleta bdew jirkupraw bil-punti ta’ Simmons u Christina Grima. Luxol waqqfuhom bi trippli ta’ Paula Ellul u Zammit qabel ma Simmons u Grima, li għamlu l-maġġoranza tal-punti tal-Athleta f’din it-taqsima, komplew ireqqsuhom viċin. Luxol kienu għadhom seba’ punti minn fuq fil-bidu tal-aħħar sessjoni u għal darb’oħra reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Zammit flimkien mal-punti ta’ Lessard u Steffi De Martino. Luxol kienu 13 minn fuq 66-53 qabel ma Athleta bdew run qawwija ta’ 16-3 fejn kellhom it-three pointers ta’ Grima u Simmons fost l-oħrajn biex salvaw il-partita fuq skor ta’ 69-69 u bis-saħħa tal-vantaġġ ta’ 11 –il punt li kisbu fl-ewwel partita għaddew għall-finali b’aggregate score ta’ 126-115.

Gżira Athleta: C. Grima 16, M. Pollaco, S. Pisani, L. Sciberras 10, A. Simmons 26, D. Said Hollier 10, A. Borg, J. Schembri, S. Vella 7, E. Pace, C. Mifsud.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 9, B. Zammit 6, M. Mercieca 10, I. Baena Medina, M. Darmanin, S. De Martino 17, K. Portelli, A. Calleja, P. Ellul 9, N. Vella, L. Lessard 10, C. Curmi 8.

Referees: Brian Sly, Christine Farrugia.

Ritratt: Wally Galea





Leave a comment