Gżira Athleta u Siġġiewi jibdew il-play-offs bir-rebħ

Tuesday, April 9, 2019, 22:11

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 74

Victoria Libertas 59

(12-12)(23-16)(16-18)(23-13)

Gżira Athleta bdew is-serje tas-semifinali tagħhom b’rebħa fuq Victoria Libertas 74-59 għalkemm kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex jaċċertaw ruħhom mir-rebħa. Il-partita kellha bidu kwiet bit-team tal-Athleta jieħdu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-2 b’żewġ three pointers minn Luca Stefanovic u Francesco Mifsud Bonnici. Libertas ġew lura bi break ta’ 8-0 b’żewġ baskets ta’ Christian Briffa flimkien ma’ Emanuel Lupo u Nicolo Petrucci biex marru minn fuq iżda Athleta rkupraw u s-sessjoni ntemmet f’parita ta’ 12-12. Fit-tieni perjodu Libertas reġgħu marru fuq quddiem 17-14 però Athleta rkupraw bil-punti ta’ Matthew Gouder u Nicolo Guida. Libertas komplew jirrispondu biex baqgħu viċin iżda lejn it-tmiem kien hemm break qasir ta’ 7-2 minn Athleta li rahom jidħlu jistrieħu 35-28 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta dehru li se jieħdu l-partita f’idejhom hekk kif bdew b’run ta’ 8-3 u għall-ewwel darba fetħu vantaġġ b’figuri doppji 43-31. Libertas però ma ċedewx u rrispondew b’run ta’ 11-2 fosthom trippla ta’ Michael Giusti u punti ta’ Robert Loporto u Lupo biex reġgħu waslu sa’ basket ‘l bogħod mill-avversarji 46-48 bl-Athleta jagħlqu s-sessjoni b’żewġ trippli ta’ Nathan Xuereb għal skor ta’ 51-46. Fl-aħħar sessjoni Liberas fetħu bi trippla ta’ Giusti u punti ta’ Briffa biex irrispondew għall-punti tal-Athleta. Hawn però l-players ta’ Peter Farrugia wieġbu bi break ta’ 9-0 biex marru 13 minn fuq u minkejja li Libertas tħabtu biex jerġgħu jnaqqsu l-iskor biżżejjed biex Athleta ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 74-59.

Gżira Athleta: N. Xuereb 16, N. Guida 14, S. Vincic 13

Victoria Libertas: C. Briffa 22, M. Giusti 10

Starlites GIG 46

Siġġiewi 55

(13-8)(11-14)(18-20)(4-13)

Starlites GIG kienu għelbu lil Siġġiewi fit-tlett rounds tal-kampjonat però meta ġejna għal-ewwel semifinali tal-play-offs, kienu Siġġiewi li ħadu r-rebħa 55-46 f’partita kumbattuta. Siġġiewi kienu mingħajr il-coach Karl Borg b’posthu jieħdu Joe Zammit fil-waqt li Starlites ħadu daqqa ta’ ħarta kmieni fit-tielet sessjoni meta tilfu lis-Serb Nenad Stojanovski bil-ħames foul. Starlites għamlu l-ewwel sitt punti tal-partita minn Miguel Falzon u Mirco Azzopardi bis-Siġġiewi jwieġbu bit-trippli ta’ Milan Nedic u Billy Zammit. Żewġ baskets ta’ Matthew Scerri raw lil Starlites itemmu s-sessjoni fuq quddiem 13-8. Fit-tieni sessjoni l-vantaġġ ta’ Starlites kiber għal 9 punti wara punti ta’ Ian Felice Pace u Isaac Pace. Siġġiewi kellhom risposta mill-ġdid permezz ta’ Nedic u Darryl Pisani biex naqqsu l-iżvantaġġ u Starlites daħlu jistrieħu 24-22 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Siġġiewi marru għall-ewwel darba minn fuq bil-punti ta’ Zammit u Hubert Agius. Stojanovski u Mirco Azzopardi reġgħu taw il-vantaġġ lil Starlites qabel ma Siġġiewi għamlu break qasir ta’ 8-2  bil-punti ta’ Alex Novakovic li sa’ dak il-ħin kellhu partita kwieta u reġgħu ħadu l-vantaġġ. Hawn Starlites tilfu li Stojanovski però trippla ta’ Falzon poġġiethom minn fuq iżda Novakovic wieġeb għal Siġġiewi biex is-sessjoni ntemmet f’parita ta’ 42-42. L-aħħar taqsima kienet deċisiva hekk kif Starlites setgħu jagħmlu biss żewġ baskets minn Scerri u Falzon. Bejniethom Siġġiewi kellhom run ta’ 7-0 li poġġiethom minn fuq u huma għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Zammit u Novakovic biex ħarġu rebbieħa 55-46.

Starlites: N. Stojanovski 12, M. Falzon 10

Siġġiewi: A. Novakovic 18, M. Nedic 12

 





Leave a comment