- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta u Cynergi Depiro jibdew bir-rebħ

Posted By sportinmalta1 On October 17, 2016 @ 8:55 am In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 56

Gżira Athleta 71

(4-18)(14-24)(14-21)(24-8)

Gżira Athleta bdew l-impenji tagħhom fis-St. James Hospital Shield b’rebħa faċli fuq Hibernians. Sa’ tmiem it-tielet perjodu Athleta kellhom kważi vantaġġ doppju u kien fl-aħħar taqsima li Hibs irnexxielhom inaqqsu xi ftit id-distakk biex għamlu l-iskor aktar rispettabli. Hibs tilfu lil Fabrizio Mariani b’injury kmieni fil-partita u Marco Matijevic kien imweġġa’ wkoll u lagħab biss għal ftit minuti. Athleta kellhom bidu qawwi fejn approfittaw mid-diversi turnovers tal-Pawlistu u bil-punti ta’ Michael Naudi, Peter Shoults u l-Amerikan Josiah Whitehead għalqu l-ewwel taqsima b’run ta’ 10-0 għal skor ta’ 18-4. Fit-tieni perjodu Hibs kellhom l-ewwel punti tal-Ispanjol Alvaro Lizaur li kellhu wkoll trippla però Athleta komplew bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Naudi. Lejn tmiem it-taqsima Athleta żiedu l-vantaġġ b’żewġ trippli ta’ Whitehead u oħra ta’ Billy Zammit biex daħlu jistrieħu 42-18 minn fuq.

Fit-tielet perjodu l-andament tal-partita baqa’ l-istess bil-Hibs ikollhom diffikulta jaslu sal-basket u kellhom aktar turnovers. Athleta żiedu l-vantaġġ bil-punti ta’ Naudi u Roderick Vella hekk kif kellhom runs qosra ta’ 8-2 u 7-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 31 punt 63-32 fi tmiem it-taqsima. L-aħħar taqsima kienet favur Hibs hekk kif Athleta naqqsu r-ritmu u Hibs bdew bi tlett three pointers mingħajr risposta, 2 ta’ Luke Farrugia u ieħor ta’ Lizaur. Il-punti tal-Athleta ġew biss minn Whitehead però Hibs komplew inaqqsu d-distakk b’run oħra ta’ 11-2 però kienu għadhom ‘l bogħod wisq biex jinkwetaw lill-Athleta bit-team ta’ Joe Galea joħorġu rebbieħa 71-56.

Hibernians: P. Attard 1, M. Matijevic, M. Houmpton, L. Farrugia 12, S. Attard 6, I. Bonett 13, K. Caruana 7, R. Carabott 3, S. Vella, F. Mariani 2, A. Lizaur 12.

Gżira Athleta: M. Naudi 19, R. Vella 8, D. Camilleri 2, L. Stefanovic, P. Shoults 7, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 6, S. Vincic, M. G. Montaldo, J. Whitehead 29.

Referees: Bernard Vassallo, Teemu Helenius, Kamil Djordickzak.

Bupa Luxol 66

Cynergi Depiro 73

(12-11)(17-18)(14-29)(25-15)

Cynergi Depiro ukoll bdew bir-rebħ meta għelbu lil Bupa Luxol 73-66 f’partita li rat lil Luxol jirkupraw żvantaġġ lejn it-tmiem u reġgħu daħlu fil-partita. Il-koppja ex-Virtus David Bugeja u Robert Bonnici kienu ta’ ħsara kontinwa lid-difiża tal-Luxol tant li bejniethom għamlu akar minn nofs il-punti ta’ Depiro. Luxol tilfu lil Jean Paul Schembri b’injury f’nofs it-tieni sessjoni fil-waqt li Jean Paul Bonnici għadu nieqes. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ wara l-punti ta’ Bugeja u Bonnici u marru 10-2 minn fuq. Luxol wieġbu bi trippla ta’ CJ Cordina flimkien ma’ sensiela ta’ punti konsekuttivi mill-Amerikan Pierce Crumpsone u rnexxielhom jieħdu punt vantaġġ 12-11. Luxol kabbru l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni perjodu wara trippla ta’ Schembri 19-13. Hawn Depiro wieġbu b’run ta’ 8-0  u sa’ tmiem it-taqsima ż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin bi trippla fuq kull naħa u fl-intervall kien hemm parita 29-29.

Wara l-intervall Luxol marru punt minn fuq però Depiro kellhom run qawwija ta’ 15-4 bi trippli ta’ Andrew Aquilina u Timothy Zammit u fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 50-39. Crumpstone reġa’ wieġeb għal Luxol però kienu Depiro li temmew it-taqsima bl-aħjar mod meta għamlu break ta’ 8-2 b’punti konsekuttivi ta’ Bugeja għal skor ta’ 58-43. Luxol ma ċedewx tant li fl-aħħar taqsima kellhom run ta’ 15-5 bit-trippli ta’ Crumpstone u waslu sa’ 9 punti ‘l bogħod 62-71. Depiro wiepbu b’basket minn Darryl Schembri bil-Luxol ikomplu jnaqqsu d-distakk iżda l-ħin kien kontrijhom u Depiro rnexxielhom jieħdu r-rebħa fuq skor finali ta’ 73-66.

Bupa Luxol: CJ Cordina 15, M. Mercieca 6, J. Willoughby 2, J. Maistre Melillo, JP Schembri 5, K. Dimech 5, W. Ahlberg, P. Cumpstone 31, S. Cappello 4.

Cynergi Depiro: J. Attard, D. Bugeja 21, R. Bonnici 20, D. Schembri 2, A. Aquilina 6, S. Zammit 9, T. Zammit 7, M. Mallia, A. Querios, N. Grech, M. Borg, D. Scafidi 8.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-u-cynergi-depiro-jibdew-bir-rebh/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.