Gżira Athleta t-tieni finalisti wara rebħa fuq Luxol

Monday, November 13, 2017, 17:54

St. James Hospital Shield Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 60

Caffè Moak Luxol 54

(12-14)(18-19)(12-7)(18-14)

Gżira Athleta reġgħu għelbu lil Caffè Moak Luxol 60-54 biex se jkunu huma li l-Ħadd li ġej jilgħabu kontra Hibernians fil-finali tas-St. James Hospital Shield. Stephanie Pisani u Julia Schembri kienu nieqsa għall-Athleta fil-waqt lil Luxol irkupraw lil Ina Baena Medina li tilfet l-aħħar partita tagħhom. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat bl- Athleta jiftħu tajjeb bi trippla ta’ Beverlee Zammit u l-punti ta’ Amelia Simmons u Denise Said Hollier. Luxol irrispondew bil-punti ta’ Christina Curmi u Ashanti Plummer qabel ma ż-żewġ timijiet kellhom trippla kull wieħed minn Antoinette Borg u Baena Medina biex Luxol għalqu s-sessjoni basket minn fuq 14-12. Curmi kompliet tkabbrilhom il-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu bl- Athleta jkollhom tweġiba minn Leanne Duncan u Simmons. Luxol fetħu vantaġġ massimu ta’ 10 punti wara trippla ta’ Sarah Pace u basket minn Paula Ellul 26-16. Wara time-out, Athleta ġew lura b’seba’ punti mingħajr risposta minn Simmons u Sharon Vella u komplew bi trippla ta’ Zammit biex fl-intervall, Luxol kienu 3 minn fuq 33-30.

Athleta rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ fit-tielet taqsima wara punti minn Simmons u Borg hekk kif Luxol ma rnexxielhom jagħmlu punti fl-ewwel ħames minuti. Finalment, kienet Martina Darmanin li għamlet żewġ baskets flimkien ma’ Curmi u Pace biex Luxol għamlu l-iskor indaqs 40-40 izda basket ta’ Vella ra lil Athleta jtemmu l-perjodu basket minn fuq 42-40. Fir-raba’ sessjoni, Athleta żammew il-vantaġġ fejn kellhom it-trippli ta’ Said Hollier u Zammit bil-Luxol jirrispondu permezz ta’ Pace biex għal tlett darbiet waslu sa’ punt ‘l bogħod mill-avversarji. Basket ta’ Plummer poġġijhom fuq quddiem għall-aħħar darba għaliex Athleta għalqu l-partita bi break ta’ 8-0 li bdewh bi trippla ta’ Borg biex ħarġu rebbieħa 60-54.

Gzira Athleta: B. Zammit 9, L. Duncan 5, A. Simmons 17, D. Said Hollier 7, A. Borg 12, S. Vella 10, E. Pace, C. Mifsud

 

Caffe Moak Luxol: S. Pace 13, C. Borg Millo, I. Baena Medina 3, N. Vella, A. Plummer 10, K. Portelli, P. Ellul 4, C. Sollami, M. Darmanin 6, C. Curmi 18.

Referees: Emanuel Mangani, Ivica Simic, Igor Marjanovic





Leave a comment