Gżira Athleta l-ewwel finalisi u Caffè Moak Luxol imorru 2-1 minn fuq

Monday, April 10, 2017, 20:51

Kampjonat Mapfre MSV Life – Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 61

Depiro 47

(14-10)(16-11)(17-13)(14-13)

Gżira Athleta huma l-ewwel team li għadda għall-finali wara li kisbu t-tielet rebħa kontra Depiro 61-47. Depiro kienu mingħajr Sam Brincat li weġġgħat fl-aħħar partita tagħhom. Fil-bidu tal-partita Depiro żammew il-pass mal-avversarji fejn kienu huma li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Carlee Schumacher, Gaby Mifsud u Tina De Martino. Athleta wieġbu bi tmien punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Beverlee Zammit u l-punti ta’ Christina Grima biex temmew l-ewwel sessjoni 14-10 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Depiro reġgħu fetħu tajjeb u ħadu l-vantaġġ però Athleta kellhom risposta permezz ta’ Antoinette Borg u Denise Said Hollier li kellha three pointer biex marru 23-19 minn fuq. Fl-aħħar minuta Athleta kellhom seba’ punti konsekuttivi fosthom ħamsa ta’ Grima biex daħlu jistrieħu 30-21 fuq quddiem.

Wara l-intervall, Depiro bdew bi trippla ta’ Mifsud biex resqu viċin. Hawn però Athleta għamlu run ta’ 9-0 bl-ewwel basket ta’ Simmons li kienet kontrollata tajjeb minn Schumacher. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet bit-tieni trippla ta’ Mifsud u oħra ta’ Nicole Agius però Athleta baqgħu fuq quddiem fi tmiem il-perjodu 47-34 hekk kif Zammit ghamlet it-tieni three pointer tagħha. Depiro għamlu sforz fil-bidu tal-aħħar taqsima fejn bdew bi tmien punti konsekuttivi fosthom żewġ three pointers kollha minn Agius biex naqqsu d-distakk ghal 5 punti. Ruth Spiteri għajtet time-out li ssarraf fi break ta’ 10-2 mill-players tagħha biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 13 –il punt 47-44. Maria Bonett waqqfithom bi three pointer però l-ħin kien kontra tagħhom. Athleta għalqu l-partita bil-free-throws ta’ Leanne Sciberras u Said Hollier biex ħarġu rebbieħa 61-47 u issa jistennew l-avversarji tagħhom fil-finali.

Gżira Athleta: M. Stefanovic, C. Grima 22, B. Zammit 6, L. Sciberras 5, A. Simmons 10, D. Said Hollier 16, A. Borg 2, J. Schembri, S. Vella, A. Debenay, C. Mifsud.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 8, M. Balzaraviciute, M. Bonett 7, N. Agius 11,  M. Scicluna, C. Schumacher 8, J. Xuereb, T. De Martino 4, C. Ciantar 9.

Referees: Emanuel Mangani, Christine Farrugia, Ivica Simic.

Caffè Moak Luxol 63

Starlites 57

(7-10)(20-29)(10-9)(26-14)

Caffè Moak Luxol kisbu t-tieni rebħa kontra Starlites 63-57 biex issa jinsabu rebħa ‘l bogħod minn post fil-finali kontra Gżira Athleta. Għal darb’oħra ż-żewġ timijiet offrew partita kumbattuta u minkejja d-distakk finali ta’ sitt punti,kien biss fl-aħħar ħinijiet li c-champions ħadu dan il-vantaġġ. Fl-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet fetħu bi three pointers minn Paula Ellul għal Luxol u tnejn ta’ Patricia Arguello għal Starlites. F’sessjoni ta’ skor pjuttost baxx, kienu Starlites li temmewha fuq quddiem 10-7. Fit-tieni taqsima, Luxol baqgħu jiġru wara l-avversarji minkejja li kellhom tlett trippli minn Mandi Mercieca, Steffi De Martino u Ellul. Starlites komplew bi break ta’ 9-2 li bdewh bi trippla ta’ Kristy Galea flimkien ma’ Arguello, Josephine Grima u Adriana Lupo. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Attirah Munir u trippla ohra ta’ Mercieca pero Starlites għalqu s-sessjoni bi three pointer mal-horn ta’ Jean Doughty biex daħlu jistrieħu 34-27 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Luxol ħarġu agressivi u bdew bi break ta’ 7-0 b’punti minn Ellul u De Martino biex għamlu l-iskor indaqs. Ir-risposta ta’ Starlites ukoll ġiet b’seba’ punti mingħajr risposta minn Galea u Jaelle Micallef biex żammew vantaġġ ta’ sitt punti 43-37. Fl-aħħar perjodu, Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ għal seba’ punti wara zewġ three pointers minn Arguello u Galea. Luxol wettqu reazzjoni oħra b’run ta’ 9-0 bit-tielet trippla ta’ Mercieca u l-punti ta’ De Martino biex irnexxielhom imorru għall-ewwel darba minn fuq 53-52. Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ bi trippla ta’ Kim Pirotta u freethrows ta’ Arguello 55-53. Fl-aħħar tlett minuti però kienu biss Luxol li għamlu l-punti. Munir għamlet l-iskor indaqs fil-waqt li De Martino u Christina Curmi poġġewhom fuq quddiem. Sarah Pace issiġilat ir-rebħa tal-Luxol bl-aħħar żewġ free-throws bl-aħħar basket ta’ Arguello jkun inutli hekk kif Luxol rebħu l-partita 63-57.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 3, M. Mercieca 15, A. Munir 9, I. Baena Medina, S. De Martino 19, K. Portelli, C. Sollami, P. Ellul 15, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin, C. Curmi 2.

Starlites: K. Galea 13, J. Doughty 3, D. Revol, K. Pirotta 3, J. Micallef 2, J. Grima 5, P. Arguello 25, E. Magrin, S. Davies 2, A. Lupo 4.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Miklos Rajzki.





Leave a comment