Gżira Athleta jtemmu t-tieni round fl-ewwel post

Monday, March 12, 2018, 14:00

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 73

Cynergi Depiro 66

(20-19)(9-15)(24-15)(20-17)

Gżira Athleta kisbu s-seba’ rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Cynergi Depiro 73-66 fejn iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin għal ħin twil. Michael Naudi rritorna għall-Athleta għalkemm kien nieqes Billy Zammit fil-waqt li Depiro kienu mingħajr David Bugeja wara l-injury tal-ġimgħa li għaddiet u li sfortunatament tista’ tħallieh barra mil-logħba għal diversi ġimgħat. Athleta kellhom ukoll barrani ieħor, l-Estonjan, Kevin Liivamagi, li se jkun disponibbli l-ġimgħa d-dieħla flimkien ma’ Matthew Gouder li jirritorna wara li temm l-istudji tiegħhu barra minn pajjiżna. Wara punti fuq kull naħa, Depiro ħadu vantaġġ bil-punti ta’ Dominic Scafidi u trippla ta’ Kurt Xuereb. Athleta rrispondew permezz ta’ Omar Said u Ivan Mitrovic biex marru basket minn fuq. Depiro feġġew fuq quddiem bi trippla t’Andrew Aquilina iżda basket ta’ Jon Feiler ra lill-Athleta jtemmu s-sessjoni punt minn fuq 20-19. Fit-tieni sessjoni, Depiro bdew b’run ta’ 9-2 qabel ma Feiler għamel żewġ baskets oħra għall-Athleta. Depiro wieġbu lura b’baskets minn Malcolm Mallia u Xuereb u minkejja l-punti ta’ Naudi, Depiro kienu fuq quddiem fl-intervall 34-29.

Fit-tielet sessjoni, Depiro fetħu vantaġġ massimu ta’ 10 punti 39-29 wara basket u trippla minn Scafidi. Hawn Athleta ġew f’tagħhom u kellhom run ta’ 10-0 biex għamlu l-iskor indaqs. Mitrovic komplijhom b’sensiela ta’ three pointers konsekuttivi u minkejja li Scafidi wkoll wieġeb bi trippla għal Depiro, Athleta temmew it-taqsima 53-49 minn fuq. Fl-aħħar perjodu Naudi kompla bil-punti għal leaders għalkemm Scafidi kiseb trippla oħra għal Depiro. Reġa’ kien Naudi flimkien ma Peter Shoults u Mitrovic bi trippla kull wieħed li poġġew lil Athleta 9 minn fuq 65-56. Baskets konsekuttivi ta’ Scafidi ħallew lil Depiro viċin però l-ħin kien kontrijhom biex Athleta serrħu rashom bl-aħħar punti minn Mitrovic biex ħarġu rebbieħa 73-66.

Gżira AthletaM. Naudi 16, B. Zammit, F. Mifsud Bonnici, S. Saakian, P. Shoults 3, L. Stefanovic, O. Said 8, N. Xuereb 5, S. Vincic, I. Mitrovic 22, J. Feiler 19   

Cynergi DepiroD. Camilleri 3,L. Duckinson, A. Aquilina 6, N. Grech 4, A. Attard, M. Mallia 4, K. Xuereb 14, M. Borg , D. Scafidi 35

Referees: Bernard Vassallo, Tuomas Mantere, Ivica Simic

Starlites GIG 63

Hibernians 66

(9-21)(14-12)(13-13)(27-20)

Hibernians żammew il-pass mall-Athleta meta għelbu

Ritratt: Wally Galea

lil Starlites GIG 66-63 fejn kellhom isofru r-rimonta ta’ Starlites speċjalment lejn it-tmiem tal-partita. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fejn għal darb’oħra Matthew Scerri ħa post Sean Borg fil-formazzjoni ta’ Paul Ferrante. Hibs fetħu tajjeb ħafna u l-punteġġ tal-ewwel sessjoni rriżulta deċisiv għal kumplament tal-partita. Huma bdew bil-punti Alvaro Lizaur u Chad Patus li bejniethom qasmu l-ewwel ħdax –il punt tal-partita. Ryan Carabott wieġeb bi trippla għal Starlites biex naqqsilhom xi ftit id-distakk, iżda l-Pawlisto spiċċaw is-sessjoni fuq break ta’ 10-2 fosthom trippla ta’ Luke Farrugia għal skor ta’ 21-9. Fit-tieni sessjoni Farrugia fetaħ bi trippla oħra però hawn Starlites bdew iwieġu aħjar hekk kif waslu wkoll l-ewwel punti tal-Amerikan Mitchell Brewe fost l-oħrajn. Hibs kellhom il-punti minn Simon Attard u Luca Tardito biex daħlu jistrieħu 33-23 minn fuq.

Wara l-waqfa iż-żewġ timijiet reġgħu annulaw lil xulxin hekk kif iż-żewġ naħat qasmu l-punti. Hibs kellhom l-aħjar bidu b’żewġ trippli minn Lizaur flimkien m’oħra ta’ Roderick Vella u fetħu vantaġġ massimu 44-28. Starlites spiċċaw is-sessjoni fuq bażi tajba, bi break ta’ 8-2, biex reġgħu naqqsu d-distakk għal 10 punti, kif kien fil-bidu tat-taqsima fuq skor ta’46-36. Fl-aħħar sessjoni, Hibs żiedu l-vantaġġ tagħhom bi ftit qabel ma Starlites bdew bit-three pointers. Shawn Pace kellhu tlieta, flimkien ma’ ieħor minn Brewe, u l-vantaġġ ta’ Hibs niżel għal basket wieħed 59-57. Patus, Vella u Marco Matijevic reġgħu tawhom ftit tan-nifs però Starlites baqgħu jheddu permezz ta’ Alec Felice Pace u Brewe. Carabott kellhu l-aħħar ballun iżda t-three pointer tiegħu ma daħalx u Hibs ħadu nifs qawwi hekk kif rebħu l-partita 66-63.

Starlites GIG: S. Pace 11, M. Azzopardi, R. Bonnici 6, A. Schembri 2, M. Scerri, M. Falzon, A. Felice Pace 8, R. Carabott 5, O I. Felice Pace 2, J. Wait, M. Brewe 29

 

Hibs: R. Vella 11, P. Attard, K. Sultana,  L. Farrugia 8, S. Attard 1, I. Bonett, L. Tardito 2, A. Axiaq 2, M. Matijevic 7, A. Lizaur18, F. Mariani, C. Patus 17

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosavljevic, Kamil Dworniczak

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Gżira Athleta

8

7

1

15

653

581

Hibs

8

6

2

14

627

572

Bupa Luxol

8

4

4

12

672

619

Cynergi Depiro

8

2

6

10

565

629

Starlites

8

1

7

9

570

686





Leave a comment