- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta jisfurzaw it-tielet partita u Hibs l-ewwel finalisti

Posted By sportinmalta1 On April 23, 2018 @ 5:59 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 64

Caffè Moak Luxol 62

(15-17)(8-18)(16-15)(25-12)

Gżira Athleta rnexxielhom jippareġjaw is-serje tas-semifinali tagħhom meta b’wirja qalbiena għelbu lil Caffè Moak Luxol b’distakk ta’ basket. L-unika nota negattiva għalijhom kienet l-injury ta’ Beverlee Zammit f’partita li Amelia Simmons kienet dominanti bi 42 punt. Luxol raw vantaġġ massimu ta’ 14 –il punt li kellhom fit-tielet sessjoni jispiċċa fix-xejn biex issa l-partita ta’ nhar il-Ħamis se tkun deċisiva għall-post fil-finali. Il-partita fetħet bi three pointer fuq kull naħa minn Denise Said Hollier u Sarah Pace. Athleta żammew vantaġġ sa’ nofs is-sessjoni wara punti minn Simmons 13-8 qabel ma Luxol ġew lura b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Christina Curmi biex temmew il-perjodu basket minn fuq 17-15. Fit-tieni sessjoni, ż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin b’baskets fuq kull naħa. Ic-champions imbagħad kellhom run tajba ta’ 14-2 b’żewġ trippli ta’ Pace u oħra minn Kay Portelli flimkien mal-punti ta’ Maria Brown u daħlu jistrieħu 35-23 minn fuq.

Athleta bdew it-tielet taqsima b’sitt punti mingħajr risposta minn Sharon Vella, Leanne Duncan u Simmons biex naqqsu d-distakk. Ir-risposta tac-champions ġiet minn aktar three pointers ta’ Paceu Portelli biex fetħu vantaġġ t’14 –il punt 45-31. Simmons kompliet titħabat u tikseb il-punti għall-Athleta però Brown ukoll wieġbet għal Luxol biex fi tmiem is-sessjoni huma kienu għadhom 11 minn fuq 50-39. Fl-aħħar sessjoni Duncan u Portelli fetħu bu trippla u Brown halliet lil Luxol 10 minn fuq 54-44. Hawn wasal mument mill-aqwa għall-Athleta b’run ta’ 14-0 bil-punti ta’ Simmons, Zammit, Duncan u Said Hollier biex marru minn fuq. Luxol wieġbu b’basket ta’ Brown u trippla ta’ Pace biex reġgħu ħadu l-vantaġġ iżda Simmons reġgħat popġiet lil Athleta minn fuq u free-throws ta’ Said Hollier serrħulhom rashom mir-riżultat biex rebħu l-partita 64-62 u sfurzaw it-tielet logħba.

Gżira Athleta: B. Zammit 2, M. Beltri, L. Duncan 9, A. Simmons 42, D. Said Hollier 7, A. Borg, J. Schembri 2, S. Vella 2, E. Pace, C. Mifsud.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 18, Ni. Vella, No. Vella 6, K. Portelli 11, L. Caruana Montaldo, M. Brown 20, C. Solllami 2, M. Darmanin 2, C. Curmi 3.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Jason Cole.

Starlites GIG 49

Hibernians 50

(10-5)(10-14)(19-23)(10-7)

Hibs irreżistew l-isfida qawwija ta’ Starlites GIG biex

Ritratt: Wally Galea

ħadu r-rebħa b’distakk minimu ta’ punt 50-49 però Starlites kienu ferm viċin li jwettqu s-sorpass hekk kif Hibs fallew diversi free-throws fl-aħħar sekondi li setgħu swewhom il-partita. Il-partita kellha bidu kwiet ferm bil-punti skarsi fuq iż-żewġ naħat. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 6-0 bil-punti ta’ Adriana Lupo u Kirsty Galea. L-ewwel risposta ta’ Hibs waslet tard fis-sessjoni bi trippla ta’ Sam Brincat bl-istess player tagħmel basket ieħor qabel ma Starlites kellhom il-punti ta’ Galea għal skor baxx ta’ 10-5. Fit-tieni perjodu, Starlites żiedu l-vantaġġ 15-7 wara punti minn Mikela Riolo, Galea u Iranzu Drake b’Patricia Arguello magħssa sewwa mid-difiża ta’ Sophie Abela. Hibs finalment marru fuq quddiem wara run ta’ 9-0 qabel ma Arguello għamlet l-ewwel punti tagħha biex Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ. Eżatt ma’ tmiem is-sessjoni Silvia Gambino għamlet three pointer biex ippareġjat il-partita 20-20.

Wara l-intervall, il-partita tjiebet xi ftit bil-Hibs jibdew bil-punti ta’ Brincat, Rachel Kehoe u trippla ta’ Elena Cassar. Hibs komplew iżidu l-vantaġġ b’aktar punti minn Kehoe u Abela biex fetħu vantaġġ ta’ 7 punti 36-29 però Starlites reġgħu resqu viċin b’żewġ trippli minn Galea u Kehoe għal skor ta’ 43-39. Fl-aħħar sessjoni daħlet il-biża u l-punti reġgħu naqsu. Punti ta’ Gambino u Kirsty Caruana ħallew lil Hibs sitta minn fuq 47-41. Starlites irnexxielhom jippareġjaw wara punti ta’ Galea u trippla t’Arguello biex il-partia kellha tmiem eċitanti. Brincat poġġiet lil Hibs minn fuq però Marlou Cutajar ippareġjat. Hibs kellhom il-freethrows però Abela falliethom biex fl-aħħar seba’ sekondi Starlites kellhom il-pussess finali però ma rnexxielhomx isalvaw il-partita wara pass ħażin ta’ Galea biex Hibs ħadu nifs qawwi rebħu l-partita 50-49 u jistennew l-avversarji fil-finali.

Starlites GIG: M. Zammit Cordina, K. Galea 17, J. Doughty, S. Farrugia 1, H. Acreman, I. Ruiz Villar 1, M. Riolo 2, L. Pirotta 4, P. Arguello 12, M. Cutajar 4, S. Davies, A. Lupo 8.

 

Hibs: E. Micallef, E. Cassar 3, S. Gambino 5, S. Brincat 17, I. Agius, J. Abela, S. Abela 12, K. Caruana 2, N. Farrugia, R. Kehoe 7, M. Said, J. Scerri 4.

Referees: Tuomas Mantere, Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-jisfurzaw-it-tielet-partita-u-hibs-l-ewwel-finalisti/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.