Gżira Athleta jippareġjaw is-serje finali

Tuesday, May 7, 2019, 18:01

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni – FINALI

minn Colin Schembri

Starlites GIG 73

Gżira Athleta 75

(21-16)(15-13)(19-26)(18-20)

Il-finali ta’ dan il-kampjonat kompliet tiżvolġi f’waħda mill-aktar kumbattuta b’partita oħra ta’ livell għoli fejn din id-darba kienu Gżira Athleta li rebħu b’distakk ta’ basket 75-73 biex ippareġjaw is-serje wara r-rebħa ta’ Starlites fl-ewwel partita. Għal ħin twil, Athleta kellhom jiġru wara r-riżultat sakemm dawwruh favurhom fl-aħħar taqsima u żammew sod minkejja d-diversi okkażjonijiet ta’ Starlites li jisfurzaw il-ħin barrani. Kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu meta fetħu bi tlett three pointers konsekuttivi minn Owen Psaila, Nenad Stojanovski u Miguel Falzon. Athleta rkupraw u għamlu run sabiħa ta’ 16-3 fosthom żewġ trippli ta’ Matthew Gouder flimkien mal-baskets ta’ Luca Stefanovic u Nathan Xuereb biex marru minn fuq 16-12. Starlites wettqu reazzjoni li ssarfet fi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Matthew Scerri biex temmew l-ewwel sessjoni 21-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites komplew b’seba’ punti oħra b’Scerri jikseb three pointer ieħor. Kien imiss lill-Athleta jirrispondu u għamlu dan bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Stefan Vincic u punti ta’ Gouder u Nicola Guida però ma rnexxielhomx jieħdu vantaġġ. Qabel intemmet it-taqsima Starlites reġgħu żiedu l-vantaġġ permezz ta’ Isaac Pace u Mirco Azzopardi biex daħlu jistrieħu 36-29 minn fuq.

Wara l-intervall, il-partita komplet tkun missielta biż-żewġ timjiet jirrispondu lil xulxin hekk kif Gouder beda jsib il-basket b’mod regolari u għal Starlites kien hemm ir-risposta ta’ Stojanovski u Ian Felice Pace li ħallewhom disgħa minn fuq 49-40 sa’ nofs il-perjodu. Hawn Athleta kellhom mument tajjeb permezz ta’ Xuereb u Ghouder flimkien ma’ Julian Wait li kellhu trippla u ppareġjaw il-partita fuq skor ta’ 55-55 u s-sessjoni għalqet b’dan l-iskor. L-aħħar taqsima, rat lill-Athleta jiftħu bit-three pointers minn Stefanovic u Vincic biex marru fuq quddiem 65-61. Issa kienu Starlites li riedu jiġru wara r-riżultat għalkemm trippla ta’ Xuereb rat lill-Athleta jiftħu vantaġġ ta’ 5 punti 71-66. Starlites resqu viċin għal darbtejn bil-punti ta’ Azzopardi, Scerri u Felice Pace u Athleta kellhom l-aħħar basket minn Xuereb. Starlites kellhom il-pussess fl-aħħar sekondi però l-aħħar żewġ tentattivi tagħhom ma daħlux biex Athleta ħadu nifs qawwi hekk kif rebħu l-partita 75-73. It-tielet finali se tintlagħab il-Ħamis 9 ta’ Mejju fis-19:30.

Starlites GIG: O. Psaila 6, M. Azzopardi 6, L. Vella, I. Felice Pace 8, M. Fabri, I. Pace 4, M. Scerri 14, M. Falzon 10, L. Riolo 2, A. Xuereb, M. Vella, N. Stojanovski 23.

Gżira Athleta: M. Laferla, F. Mifsud Bonnici, J. Wait 5, E. Abela, L. Stefanovic 13, S. Galea, N. Xuereb 14, M. Gouder 26, N. Guida 6, S. Vincic 11, J. Ransley, R. Abela.

Referees: Tuomas Mantere, Kamil Dworniczak.





Leave a comment