Gżira Athleta jibqgħu mingħajr telfa

Wednesday, December 19, 2018, 22:41

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

Gżira Athleta 68

Depiro 59

(26-12)(7-15)(16-20)(19-12)

Gżira Athleta baqgħu mingħajr telfa fil-kampjonat hekk kif huma għelbu lil Depiro 68-59 biex temmew l-ewwel round fl-ewwel post. Ħasra li partita bħal din ġiet imtappna b’kontroll xejn feliċi mir-referees fejn tkeċċew tlett players ta’ Depiro u ieħor tal-Athleta. Ċertu fouls u daħliet setgħu wkoll ġew evitati biex il-partita kienet tkun isbaħ bejn żewġ timijiet li kienu rebħu l-partiti kollha ta’ qabel. Kollox beda meta fast break ta’ Depiro ġie mwaqqaf b’foul li fl-opinjoni ta’ kulħadd kellhu jkun anti-sportiv però dan ma sarx u minn hemm ‘l quddiem saħnu l-irjus. Intant Athleta kellhom bidu mill-aqwa tal-partita fosthom b’run ta’ 14-2 bil-punti ta’ Luca Stefanovic u Stefan Vincic. Huma kellhom ukoll trippla ta’ Nathan Xuereb li rebaħ l-unur tal-BOV Player tax-xahar u temmew l-ewwel taqsima 26-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Depiro rkupraw u ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 11-0 fosthom trippli minn Marko Zloh u Miguel Mallia. Hawn Depiro tilfu l-ewwel player tagħhom hekk kif Miguel Rodrigues sofra t-tieni foul anti-sportiv u kellhu jħalli l-court. Athleta wieġbu bi trippla oħra ta’ Xuereb u punti ta’ Stefanovic biex daħlu jistrieħu 33-27 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Depiro għamlu l-iskor indaqs għal darbtejn wara three pointers ta’ Zloh u Andy Attard li aktar tard ukoll tkeċċa. Athleta rkupraw bil-punti ta’ Vincic u Joshua Aquilina biex baqgħu fuq quddiem 52-47. Fl-aħħar sessjoni Stefanovic fetaħ bi trippla qabel ma tkeċċa fuq azzjoni ma Ilja Momiroski li wkoll kellhu jħalli l-court. Athleta żiedu l-vantaġġ wara three pointers minn Vincic biex finalment ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 68-59.

Athleta: S. Vincic 20, N. Xuereb 18, L. Stefanovic 15

Depiro: M. Zloh 14, M. Brincat 11, E. Briffa 11

Victoria Libertas 62

 

Starlites GIG 78

(12-22)(18-22)(20-15)(12-19)

Starlites irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Victoria Libertas 78-62. Fl-ewwel ħinijiet il-partita kienet bilanċjata bil-punti jaslu fuq iż-żewġ naħat għal parita ta’ 8-8. Hawn Starlites kellhom mument tajjeb bi three pointers minn Matthew Scerri u Owen Psaila f’run ta’ 10-0 u żammew il-vantaġġ sa’ tmiem is-sessjoni 22-12. Fit-tieni perjodu Libertas ppruvaw iwettqu reazzjoni meta kellhom il-punti ta’ Emanuel Lupo flimkien ma’ Robert Mercieca. Starlites għamlu run oħra ta’ 10-2 fejn mill-ġdid Psaila u Scerri kellhom trippla kull wieħed flimkien mal-punti ta’ Mirco Azzopardi u Nenad Stojanovski. Ir-risposta ta’ Libertas ġiet minn żewġ three pointers ta’ Michael Giusti però fl-intervall Starlites kellhom vantaġġ ta’ 14 –il punt 44-30.

Fit-tielet perjodu kien Giusti kompla b’żewġ trippli oħra però Starlites baqgħu b’vantaġġ komdu hekk kif kellhom ir-risposta minn Scerri u Stojanovski. Libertas għamlu run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Ian Terribile u naqqsu d-distakk għal seba’ punti qabel ma Starlites għalqu t-taqsima bil-punti ta’ Miguel Falzon fuq skor ta’ 59-50. Fl-aħħar taqsima, Starlites reġgħu żiedu l-vantaġġ wara li Scerri għamel żewġ three pointers oħra. Libertas ftit setgħu jirkupraw u l-players ta’ Sandro Farrugia għalqu l-partita b’run ta’ 10-2 biex ħarġu rebbieħa 78-62.

Libertas: M. Giusti 12, R. Mercieca 12

Starlites:M. Scerri 21, N. Stojanovski 15





Leave a comment