Gżira Athleta jerbħu t-tazza wara partita mill-isbaħ

Monday, February 13, 2017, 17:38

Tazza Louis Borg – Nisa FINALI

minn Colin Schembri

Starlites 71

Gżira Athleta 65

(10-15)(22-9)(13-20)(26-21)

Aggregate 105-107

Fi tmiem ta’ waħda mill-isbaħ partiti tal-istaġun fil-basketball femminili dan l-istaġun, Gżira Athleta rebħu t-tazza Louis Borg kontra Starlites b’aggregate ta’ 107-105 hekk kif kienu Starlites li rebħu l-partita 71-65 u b’hekk kienu basket ‘l bogħod milli jdawwru r-riżultat favur tagħhom. Għal xi waqtiet kien irnexxielhom speċjalment lejn tmiem il-partita b’wirja mill-aqwa taż-żagħżugħa Kristy Galea. Minn naħa l-oħra Athleta kellhom il-prestazzjoni brillanti ta’ Christina Grima flimkien mal-Amerikana Amelia Simmons. Fil-ftuħ tal-partita kien hemm run tajba minn Athleta ta’ 11-0 bi trippla ta’ Grima u marru 13-2 minn fuq. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Stephanie Davies u trippla ta’ Patricia Arguello biex Athleta temmew it-taqsima 15-10 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites bdew b’run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Josephine Grima, Arguello u Kim Pirotta u marru 4 minn fuq 21-17. Wara basket ta’ Grima għall-Athleta, Starlites komplew bil-punti ta’ Arguello u trippla ta’ Galea biex dal-intervall ippareġjaw l-aggregate fuq skor ta’ 32-24.

Fit-tielet taqsima reġgħu kienu Athleta li kellhom l-aħjar bidu bil-punti ta’ Simmons u Grima. Huma komplew bi break ieħor ta’ 9-2 biex marru minn fuq 44-43 però qabel intemmet it-taqsima kienet Galea li reġgħat poġġiet lil Starlites fuq quddiem. Il-partita laħqet il-qofol tagħha fl-aħħar taqsima meta Athleta reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Leanne Sciberras, Grima u Simmons li kellha wkoll trippla. Hawn beda l-mument mill-aqwa ta’ Starlites b’run ta’ 12-0 bi three pointers ta’ Galea u marru 65-56 minn fuq biex marru punt minn fuq bl-aggregate. Athleta rkupraw bil-punti ta’ Antoinette Borg, Simmons u Grima għalkemm trippla ta’ Samantha Farrugia ħalliet lil Starlites jittamaw. Athleta għalqu l-partita bil-punti ta’ Borg bi Stepanie Davies tagħmel free-throw minn tlieta biex ma kienx biżżejjed biex Starlites jisfurzaw il-ħin barrani u għalkemm rebħu l-partita 71-65 kienu Athleta li rebħu t-tazza fost l-applawsi tal-pubbliku preżenti, ndirizzat liż-żewġ timijiet għall-prestazzjoni li taw.  Fi tmiem il-partita il-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Athleta Leanne Sciberras.

Starlites: D. Agius 2, K. Galea 20, J. Doughty, S. Farrugia 7, K. Pirotta 3, J. Micallef 2, J. Grima 17, P. Arguello 15, E. Magrin, S. Davies 5, D. Revol.

Gżira Athleta: M. Stefanovic, C. Grima 25, B. Zammit, S. Pisani, L. Sciberras 6, A. Simmons 24, D. Said Hollier 4, A. Borg 6, J. Schembri, C. Mifsud.

Referees: Jennifer Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic.





Leave a comment