- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Gżira Athleta jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Posted By sportinmalta1 On September 22, 2016 @ 12:35 am In Basketball,Featured | No Comments

Tazza tal-Indipendenza 2016 – Irġiel

minn Colin Schembri

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet infetaħ l-istaġun tal-basketball 2016/17 bit-Tazza tal-Indipenenza li serviet ukoll bħala l-pre-season tournament li dejjem fetaħ l-istaġun f’dawn l-aħħar snin.

Huma diversi t-tibdiliet li saru għal dan l-istaġun. Fost l-oħrajn insibu players li marru ma team ġdid dan l-istaġun ħafna minnhom ex-Virtus li issa qiegħdin jilagħbu bħala Starlites li fl-istaġun li għadda rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni.

Fil-logħob tal-gruppi ħadu sehem seba’ timijiet meta mas-sitta tal-ewwel diviżjoni kien hemm ukoll it-team ta’ Siġġiewi St. Nicholas. Dawn ġew maqsuma f’żewġ gruppi ta’ 4 timijiet u tlieta. L-ewwel grupp kien l-aktar wieħed akkanit meta tlett timijiet spiċċaw bil-punti ndaqs, żewġ rebħiet u telfa. Dawn kienu Floriana MCP Car Parks, Gżira Athleta u Hibernians li kollha tilfu kontra xulxin. Athleta rebbieħa bi tlett punti fuq il-Furjaniżi li minn naħa tagħhom għelbu lil Hibs b’sitt punti u l-Pawlisti rebħu lill-Athleta b’żewġ punti. Imma dan ma kienx biżżejjed għax id-differenza ta’ baskets ħadet lil Floriana u Athleta fis-semifinali. It-team l-ieħor ta’ Siġġiewi tilfu l-partiti kollha. Fit-tieni grupp iddominaw id-Depiro li rebħu ż-żewġ logħbiet li kellhom kontra Starlites u Bupa Luxol biex imbagħad Luxol għelbu lil Starlites biex għaddew għas-semifinali.

Fl-ewwel semi-finali Floriana għelbu lil Bupa Luxol 55-41 wara li fl-intervall kienu 10 minn fuq 31-21. Floriana tilfu lil Lee Ross u Nigel Sultana mill-istaġun li għadda però rreġistraw lil Shawn Pace li kellhu partita tajba b’sitt three pointers. Fit-tieni semi-finali, Gżira Athleta kisbu post fil-finali meta għelbu lil Pavi Depiro 59-42. Iż-żewġ timijiet kellhom uċuh ġodda fl-iskwadra tagħhom fejn Athleta kellhom id-debutt ta’ Peter Shoults u David Camilleri fil-waqt li Depiro li issa huma mmexxija minn Paul Ferrante, kellhom lil David Bugeja u Robert Bonnici. Athleta ddominaw il-partita wara l-intervall fejn wara li daħlu jistrieħu basket minn fuq 27-25, huma kellhom żewġ runs ta’ 11-4 u 14-0 biex rebħu l-partita 59-42.

Il-finali ntlagħbet f’atmosfera sabiħa u quddiem pubbliku numeruż. Il-partita kellha bidu bilanċjat għalkemm kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ. Athleta kellhom run qawwija ta’ 22-2 biex sal-intervall fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 34-24. Id-dominju tal-players ta’ Joe Galea kompla wara l-intervall bi break ieħor qawwi ta’ 14-2. Florian ppruvaw jirkupraw b’run ta’ 13-4 però l-vantaġġ tal-Athleta kien qawwi u huma baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex rebħu l-partita 59-45.

Fi tmiem il-kompetizzjoni Dr. Simon Busuttil Kap ta l-Oppozizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta t-trofew lil Michael Naudi captain ta’ Gżira Athleta.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/gzira-athleta-jerbhu-l-ewwel-unur-tal-istagun/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.