Gżira Athleta jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Monday, October 17, 2016, 12:32

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI – FINALI

minn Colin Schembri

Mellieħa Tritones 68

Gżira Athleta 54

(16-24)(14-17)(14-17)(20-19)

L-unur tas- St.James Hospital Shield tat-tieni diviżjoni mar għand Gżira Athleta li fil-finali għelbu lil Mellieħa Tritones 77-64.Din kienet l-ewwel darba li huma rebħu dan l-unur wara li fl-istaġun 2010/2011 kienu finalisti telliefa. Huma kellhom il-wirja superlattiva tal-Amerikan Kwane Thompson li mhux biss spiċċa bħala l-aħjar skorer b’45 punt iżda mexxa wkoll lil sħabu b’6 steals u 14 –il rebound. Mellieħa li kellhom ir-ritorn ta’ Bernard Soler tħabtu biex jibqgħu fil-partita però kull darba li resqu viċin sabu lil Thomspon jerġa’ jitfaħhom lura. Kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ 17-8 b’diversi punti ta’ Thompson. Mellieħa wieġbu permezz ta’ Robert Loporto u Emanuel Lupo però Athleta kienu 8 punti minn fuq fi tmien l-ewwel taqsima 24-16. Il-vantaġġ tal-Athleta kiber fit-tieni sessjoni hekk kif huma kellhom run ta’ 14-4 bi trippla ta’ Stefan Vincic. Mellieħa wkoll wieġbu bi trippla minn Ian Terribile biex Athleta daħlu jistrieħu 11 minn fuq 41-30.

Wara l-intervall Mellieħa naqqsu xi ftit id-distakk però Thompson wieġeb bi tlett baskets flimkien ma’ trippla ta’ Francesco Mifsd Bonnici għal skor ta’ 53-36. Sforz ieħor ta’ Mellieħa rahom jagħmlu run ta’ 14-2 u reġgħu naqqsu d-distakk għal 8 punti. Fl-aħħar taqsima, Athleta bdew b’sitt punti mingħajr risposta biex marru 20 minn fuq. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet bil-punti ta’ Polis li sa’ dak il-ħin kellhu partita kwieta. Mellieħa rnexxielhom jerġgħu jaslu sa’ 11 –il punt ‘l bogħod però Athleta reġħhu għamlu run ta’ 10-3 u minkejja li Mellieħa temmew il-partita bit-trippli ta’ Polis u Michel Farrugia, kienu Athleta li ħarġu rebbieħa 77-64. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain tal-Athleta Joshua Aquilina.

Mellieħa Tritones: R. Polis 16, M. Farrugia 6, R. Loporto 11, J. Muscat, I. Terribile 5, B. Aquilina 4, D. Miani 9, E. Lupo 13, B. Soler.

Gżira Athleta: M. Giusti 5, F. Mifsud Bonnici 12, J. Wait 7, J. Aquilina, L. Stefanovic 3, M. Gauchi Montaldo, D. Buhagiar, K. Thompson 45, C. Galea, S. Vincic 3, M. Cilia 2, C. Schembri.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment